Aktar suċċessi qed jaslu mill-kontinġent Malti fil-Kampjonati Ewropej tal-Blackball 2025 li għaddejjin ġewwa Ennis fl-Irlanda, hekk kif pajjiżna diġà żgura midalja tad-deheb u żewġ midalji tal-fidda.
Fid-Doubles ta’ taħt il-15-il sena, Denzel Falzon u Nick Muscat għelbu lil Lukas Williams u Jacob Corbett 3–2 biex jissieltu fil-finali kontra Tom Seaton u Shaun Murray. Falzon u Muscat kienu diġà rebħu wkoll kontra Bailey Earlston u Riley Smith bl-iskor ta’ 3–2 aktar qabel.
Fil-kategoriji tat-timijiet, Malta kisbet diversi riżultati impressjonanti. Fit-taħt il-15-il sena, Malta A għelbet lill-Irlanda 8–7, filwaqt li l-Maltin ta’ taħt it-23 sena għelbu lill-Irlanda A 15–10.
Anke t-tim nazzjonali tal-irġiel A kompla jimpressjona wara li għeleb lill-Belġju 21-4 , filwaqt li l-Grand Masters għelbu lil Ġibilta’ 11–4.
Fl-istess waqt, il-finali fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena tad-doubles se tkun kollha Maltija hekk kif fis-semifinali, Steven Muscat u Nordai Desira għelbu 3–1 lil Kieron Savage u Cohen Bradford, filwaqt li Chaylon Castaldi u Matthias Debono għelbu 3–1 lil Jack Begley u Brooklyn Chambers.
Intant, fil-kompetizzjoni individwali, Jason Ward għeleb lil Antoine Schembri 5–3, filwaqt li Lee Grima rebaħ 5–4 kontra John Dunne.
Filgħaxija, Mevrick Zammit għeleb lil Clayton Castaldi 5-4, Lee Grima rebaħ lil Mike Webb 5-3, Solly Simpson ħareġ rebbieħ fuq Chaylon Castaldi 5-1 b’Liam Mifsud li safa’ megħlub minn Ben Jones 5-4.
Dalgħodu se tkun waħda intensiva għall-plejers Maltin fejn se jkun hemm numru ta’ konfronti deċiżivi fosthom il-finali tad-doubles under 23 kollha Maltija bejn Nordai Desira/Steve Muscat kontra Chaylon Castaldi/Matthias Debono fid-9am. Fl-istess ħin hemm ukoll il-final ta’ taħt il-15-il sena hekk kif Denzel Falzon/Nick Muscat ikunu fl-azzjoni kontra l-Iskoċċiżi Tom Seaty/Shaun Murray.
Aktar logħbiet huma dawn:
09:00 (Ħin Irlandiż) 10:00 (Ħin Malti)
- Malta Grand Masters A vs l-Iskozja Grand Masters A
- Malta Irġiel A vs Ġibiltà Irġiel A
- 11:30 (Ħin Irlandiż) 12:30 (Ħin Malti)
- Wales Seniors B vs Malta Seniors B
- Skozja Irġiel B1 vs Malta Irġiel B
- 18:30 (Ħin Irlandiż)/19:30 (Ħin Malti)
- Malta U15 A vs l-Iskozja U15 A
- Welsh Seniors A vs Malta Seniors A

