L-eks President tal-FIFA, Sepp Blatter, ċaħad li approva ħlasijiet illegali lil Michel Platini, u qal li trasferiment tal-2011 segwa “ftehim ta’ ġentlomi’ bejn il-koppja.
Il-prosekuturi jsostnu li ħlas ta’ 2 miljun franki Svizzeri (£1.6 miljuni) li sar minn Blatter lill-eks president tal-UEFA, Platini, kien illeċitu.
Iż-żewġ irġiel, li qed jiċħdu l-aġir ħażin, jinsabu għaddejjin ġuri f’Bellinzona, l-Isvizzera.
Il-bidu tal-ġuri kien ittardjat b’ġurnata nhar l-Erbgħa wara li Blatter qal li kien marid wisq biex jixhed.
Huwa qal lill-qorti li kellu wġigħ f’sidru u kien qed ikollu “diffikultà biex jieħu n-nifs”.
L-anzjan ta’ 86 sena ta x-xhieda tiegħu nhar il-Ħamis u qal li talab lil Platini biex ikun il-konsulent tiegħu meta nħatar għall-ewwel darba bħala president tal-korp governattiv dinji tal-football fl-1998.
Huwa qal li l-eks captain ta’ Franza, Platini, ried 1 miljun franki Svizzeri (£816,030) kull sena iżda Blatter qallu li l-FIFA ma setgħetx taffordja dik il-miżata.
Minflok huma ssetiljaw fuq 300,000 franki Svizzeri (£244,809) fis-sena, bit-total pendenti jitħallas f’data aktar tard.
“Kont naf li meta bdejna ma’ Michel Platini li dan mhuwiex it-total, u kellna nħarsu lejh aktar tard,” qal Blatter lill-qorti, filwaqt li żied jgħid li ħadu b’idejn xulxin fuq “il-ftehim ta’ ġentlomi” tagħhom.
Huwa żied jgħid: “Kien ftehim bejn żewġ sportivi. Ma sibt xejn ħażin f’dan.”
Ir-rebbieħ tliet darbiet tal-Ballun tad- Deheb, Platini, 66 sena, qal: “Kont nafda lill-president, u kont naf li xi darba kien se jħallasni.”
Platini waqaf jaħdem mal-FIFA fl-2002 iżda ma segwiex il-ħlas qabel l-2010, fejn qal lill-qorti li ma kellux bżonn il-flus dak iż-żmien tat-tluq tiegħu, meta, skond Blatter, il-FIFA kienet “imkissra finanzjarjament”.
Madankollu, aktar tard Platini sema’ li żewġ eks impjegati kienu rċevew ħlasijiet sostanzjali u avviċina lill-FIFA, li qal li qallulu biex jibgħat fattura. Dan għamlu f’Jannar tal-2011, bil-flus jiġu mħallsa 10 ijiem wara, wara l-approvazzjoni ta’ Blatter.
Il-koppja ġew ipprojbiti mill-football fl-2015 u akkużati f’Novembru tas-sena l-oħra.
L-Uffiċċju Svizzeru tal-Avukat Ġenerali akkuża lil Blatter u lil Platini bi “frodi, fl-alternattiv ta’ miżapproprjazzjoni, f’alternattiva ulterjuri ta’ ġestjoni ħażina kriminali kif ukoll ta’ falsifikazzjoni ta’ dokument”.
Platini, li kien akkużat ukoll bħala kompliċi, qal li ħass li l-projbizzjoni kienet tentattiv intenzjonat biex iwaqqfuh milli jsir il-president tal-FIFA fl-2015.