Tuesday, March 4, 2025

Blatter u Platini lura fil-qorti b’akkużi ta’ frodi

Aqra wkoll

L-eks President tal-FIFA, Sepp Blatter, u l-leġġendarju tal-football Franċiż, Michel Platini, reġgħu lura l-qorti fl-Isvizzera biex jiffaċċjaw akkużi ta’ frodi.

Fl-2022, il-koppja ġew illiberati fi proċess fuq ħlas ta’ 2 miljuni Franki Svizzeri (£1.6 miljuni) li sar lil Platini u awtorizzat minn Blatter fl-2011.

Iż-żewġt irġiel ċaħdu l-għemil ħażin u qalu li t-trasferiment kien ħlas tard għal xogħol konsultattiv tal-FIFA minn Platini, li qabel kien mexxa l-korp governattiv tal- football Ewropew, il-UEFA.

Iżda l-prosekutur federali Svizzeru appella mid-deċiżjoni. Il-ġuri l-ġdid mistenni jdum sal-Ħamis, b’verdett għandu jsir fil-25 ta’ Marzu.

It-Tnejn dehru quddiem qorti tal-appell f’Muttenz, qrib Basel. Blatter ta’ 88 sena reġa’ afferma li kien innoċenti.

“Meta titkellem dwar falsitajiet, gideb u qerq, dak mhux jien. Dan ma kienx jeżisti f’ħajti kollha,” huwa qal lill-qorti.

Avukat ta’ Platini, ta’ 69 sena, qal li l-qorti inferjuri li lliberat lill-koppja fl-2022 kellha “raġun li sabet li l-ħlas ikkontestat ta’ 2 miljuni franki kien legali”.

Platini kellu karriera illustri bħala player u huwa rebbieħ tliet darbiet tal-Ballun tad-Deheb – l-ogħla premju tal-football individwali tal-Ewropa.

Bħala captain huwa mexxa lil Franza għar-rebħ tal-EURO 1984 u rebaħ it-Tazza taċ-Champions tal-1985 ma’ Juventus. Huwa kompla jikkowċja lit-team nazzjonali Franċiż u sar president tal-UEFA fl-2007.

Fl-2015, il-prosekuturi akkużaw lill-koppja li qarrqu bil-FIFA dwar ħlasijiet li saru lil Platini.

Fix-xhieda tiegħu fl-ewwel ġuri, Blatter qal li kien talab lil Platini biex jaħdem bħala konsulent tiegħu fl-1998. Żied jgħid li dak iż-żmien, il-FIFA ma setgħetx taffordja l-mi­żata annwali ta’ 1 miljun frank Svizzeri mitlub minn Platini.

Minflok, issetiljaw fuq ħlas parzjali bil-bilanċ pendenti jitħallas f’data aktar tard. Platini qal waqt il-ġuri: “Kont nafda lill-president, u kont naf li se nitħallas.”

Huwa waqaf jaħdem għall-FIFA fl-2002 iżda fil-bidu ma kompliex il-ħlas peress li qal lill-qorti li dak iż-żmien ma kellux bżonn il-flus, u – skont Blatter – il-FIFA kienet “imkissra finanzjarjament”. F’Jannar tal-2011, iżda, Platini ħass li kien f’pożiz­zjoni li jibgħat fattura u l-flus tħallsu wara l-approvazzjoni ta’ Blatter.

Wara investigazzjoni mnedija fl-2015, il-prosekuturi Svizzeri akkużaw lil Blatter u Platini b’falsifikazzjoni u frodi.

Fl-2015 ukoll, il-FIFA ssospendiet liż-żewġt irġiel mill-football minħabba ksur tal-etika – oriġinarjament għal tmien snin, għalkemm l-esklużjonijiet tagħhom tnaq­qsu aktar tard.

Fl-2022, il-qorti kriminali federali tal-Isvizzera f’Bellinzona approvat it-tnejn wara li aċċettaw il-kont tagħhom ta’ ftehim ta’ ġentlomi għall-ħlas.

Negozjant Svizzeru u amministratur tal-isport, Blatter ingħaqad mal-FIFA fl-1975, sar segretarju ġenerali fl-1981 u mbagħad President tal-korp governattiv tal-football dinji fl-1998.

Huwa baqa’ fir-rwol għal 17-il sena sa­kemm irriżenja fost investigazzjonijiet ta’ korruzzjoni. Platini aktar tard irtira l-kandidatura tiegħu stess għall-President.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport