Riċentement l-Assoċjazzjoni tal-BMX Malta għamlet it-8 u l-aħħar rawnd tal-Kampjonat Nazzjonali tat-tlielaq fuq Track. Giacomo Gatt, Alessio Figgiomeli u Timothy Attard huma ċ-champions lokali rispettivament tal-kategoriji Taħt is-7 snin , Taħt l-10 u Taħt it- 13 il sena.
Il-kategorija Taħt is-7 Snin intrebħet minn Giacomo Gatt li kiseb total ta’ 240 punt. It-tieni kien ikklassifikat Ben Scerri b’210 punt, filwaqt li Timmy Micallef kien it-tielet b’136 punt. Il-kategorija bejn is-7 u l-10 snin intrebħet minn Alessio Figgiomeli b’240 punt. Sebastian Grima b’236 punt u Eduardo Baraggioli b’182 punt spiċċaw rispettivament fit-tieni u t-tielet pożizzjonijiet.
Il-kategorija bejn l-10 u t-13-il sena ntrebħet minn Timothy Attard bi 316 punt. It-tieni fil-klassifika ġenerali spiċċa Nicholas Spiteri b’236 punt, filwaqt li t-tielet kien Lorenzo Baraggioli b’229 punt. Wara t-tiġrijiet saret il-preżentazzjoni ta’ trofej lill-ewwel 3 rebbieħa ta’ kull kategorija.
Il-president, John Zammit, beda billi rringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti matul dan l-istaġun kollu li kien wieħed ta’ suċċess. Irringrazzja wkoll lill-ġenituri kollha talli appoġġjaw lil uliedhom u lill-klabb. John Zammit qal ukoll li issa se jkollhom waqfa tas-sajf, iżda xorta se jagħmlu lezzjoni waħda kull nhar ta’ Erbgħa bejn is-7:00 u i-8:00 ta’ filgħaxija. Huwa temm jgħid li ser ikunu qed jaħdmu wkoll fuq kalendarju ġdid ta’ staġun u se jkunu qed jinkludu kategorija oħra dik ta’ etajiet bejn it-13 u s-16-il sena.