Il-Ġimgħa Internazzjonali tan-Networking (INW) tkun iċċelebrata kull sena f’aktar minn 70 pajjiż, kull Frar, bil-għan li tressaq in-negozji lejn xulxin filwaqt li imprendituri żgħar u medji jaqsmu l-esperjenzi tagħhom. Din is-sena, f’Malta, se ssir l-Erbgħa 8 ta’ Frar b’Laqgħa Nazzjonali tal-Viżitaturi f’The Palace Hotel f’Tas-Sliema. Ir-reġistrazzjoni diġà hi miftuħa fuq: tinyurl.com/4aw8zybd
“L-inizjattiva INW hi idea ta’ Business Networking International. Il-BNI hi organizzazzjoni li torganizza avvenimenti kull tliet xhur biex tipprovdi lill-imprendituri, speċjalment negozji ġodda u negozji żgħar, iċ-ċans li jiżviluppaw relazzjonijiet professjonali ma’ parteċipanti oħra biex iżidu l-bejgħ,” qal George Bonello, direttur maniġerjali ta’ Sidroc Services, kumpanija li tipprovdi tagħmir mediku. Hu se jkun qed imexxi din il-laqgħa. “L-għan ta’ kull persuna fin-negozju hu li jutilizza u jiżviluppa b’mod sħiħ il-kapaċità li jikseb l-aqwa benefiċċji minn networking, u l-BNI għandha l-għan li tiffaċilita dan,” hu spjega.
“L-avveniment tat-8 ta’ Frar se jkompli jgħin fit-twettiq ta’ sistema ta’ appoġġ professjonali ma’ mijiet ta’ oħrajn minn sferi differenti tas-soċjetà inkluż dawk tal-bejgħ, markiting, finanzi, kif ukoll firxa wiesgħa ta’ negozji żgħar u korporattivi. Se jinkoraġġixxi wkoll iż-żamma ta’ dawk il-kuntatti vitali biex tinbena l-fiduċja li twassal għal konnessjonijiet ta’ negozju fit-tul u li jkunu profittabbli,” spjegat Michele Vella Distefano, sid ta’ Photomaker Photobooths, kumpanija li tiffoka fuq il-marketing bl-użu ta’ photo booths.
L-attività ta’ Malta tibda fis-6.45am (filgħodu) b’sessjoni ta’ networking dirett. Hu rakkomandat li kull parteċipant iġib mill-inqas 100 business card biex jgħaddihom lill-parteċipanti l-oħra bħala l-ewwel introduzzjoni għan-negoxju ta’ dak il-parteċipant.
Dan ikun segwit minn preżentazzjoni kif ukoll esperjenzi reali ta’ kif BNI Malta fil-fatt għenet imprendituri Maltin, u b’mod partikolari f’dawn l-aħħar snin. Iktar opportunitajiet ta’ networking dirett se jkunu offruti tul il-laqgħa li mistennija tkun konkluża għall-ħabta tad-9.30am. Din se tkun segwita minn laqgħat diretti 1-2-1 bejn il-parteċipanti stess waqt is-sessjoni ta’ breakfast fir-ristorant tal-lukanda. Il-ħlas tal-laqgħa ta’ €25, inkluż il-breakfast, jitħallas – fi flus kontanti (biss, u mhux b’cards jew revolut) – mal-wasla tal-parteċpant għal-laqgħa.
“Il-parteċipazzjoni f’dan l-avveniment tinkludi bosta benefiċċji: tlaqqa’ lil dawk li dawk li jattendu ma’ negozji u persuni oħrajn li jistgħu jixtru mingħandhom, tgħinhom itejbu l-ħiliet tagħhom u jibnu l-fiduċja fihom infushom, u tgħinhom jiksbu għarfien, perspettivi u riferimenti addizzjonali billi jagħmlu networking barra mill-kuntatti tas-soltu tagħhom,” qalet Vella. Distefano.
“BNI ilha topera f’Malta għal aktar minn 11-il sena u għenet b’mod konkret lil numru sinifikanti ta’ negozji, mhux biss biex jistabbilixxu reputazzjoni tajba iżda wkoll biex ikabbru l-qligħ tagħhom,” qal Carmel Bonello minn Do Essential Oils Malta. “Fl-aħħar 10 snin, il-BNI għenitna mhux biss biex niżviluppaw komunità ta’ klijenti f’Malta iżda, permezz tan-network tal-BNI stess, wasslitna biex inbiegħu l-prodotti tagħna f’pajjiżi oħra,” hu qal.
Il-BNI hi komunità ta’ aktar minn 280,000 persuna f’10,800 kapitlu f’70 pajjiż. Hu stmat li fl-2020 biss, il-membri tagħha ġġeneraw aktar minn $15.5 biljun fi dħul għan-negozji tal-membri. Aktar tagħrif jinkiseb billi persuna ċċempel fuq 9942 7457.