Friday, November 15, 2024

“Bniedem b’saqajh mal-art f’dak kollu li jagħmel, se jiġi apprezzat aktar u s-suċċess tista’ tgħid li jiġi waħdu”

Claudia Faniello

Aqra wkoll

Claudia Faniello hi kantanta li m’għandha bżonn tal-ebda introduzzjoni fix-xena tal-mużika lokali. L-imħabba lejn il-mużika kienet waħda naturali fejn apparti li ħuha Fabrizio jkanta wkoll, il-familja tagħha dejjem poġġiet il-mużika bħala parti minn ħajjitha. 

Darba Claudia ħadet sehem f’kompetizzjoni għat-tfal u minn hemm indunat li għandha potenzjal tant li kompliet timraħ dejjem aktar f’dan is-settur tant sabiħ.

Tgħid li isimha ġie ispirat minn Claudio Villa, kantant Taljan li l-familja tagħha partikolarment ommha u missierha kienu jisimgħu ta’ spiss.

Talk.mt tkellem ma’ Claudia Faniello fejn hi qasmet tagħha l-mumenti tagħha mużikali issa li nistgħu nqisuha bħala kantanta ta’ esperjenza.

Tkellimna magħha dwar waħda mill-iktar kanzunetti li għamlitilha suċċess, Caravaggio.

“Caravaggio hi kanzunetta li fl-2008 kienet tissemma’ ħafna u tindaqq f’diversi radjijiet lokali. Kienet it-tielet darba li kont ħadt sehem fil-Malta Song for Europe u dakinhar kont daħħalt ukoll diska oħra bl-isem ta’ Sunrise. Issa li għadda żmien minn fuqha, xorta waħda għadha tissemma’ u dan jixhed kemm kienet u għadha popolari.”

“Caravaggio kienet kanzunetta ta’ Ray Agius bi kliem ta’ Godwin Sant u ġiet ispirata meta l-pittura tal-istess artist kienet għalqet ċertu żmien. Dakinhar kien hemm ukoll Justin fuq il-palk li beda jpitter u għalhekk kellna koreografija mill-isbaħ flimkien ukoll maż-żeffiena.”

Fl-istess waqt, il-kanzunetta Breathlessly kienet dik li wasslitha sabiex tieħu sehem fil-Eurovision Song Contest fis-sena 2017 li dak iż-żmien sar fil-belt Ukrena ta’ Kiev. X’tiftakar Claudia Faniello minn dak il-festival?

“Dik id-diska xejn ma kont ippjanata għaliha. Ġie kollox ħabta u sabta meta kien kellimni Philip Vella u bħal qisu beda jħajjarni sabiex nieħu sehem fil-kanzunetta Maltija għall-Ewropa b’din l-istess diska.”

“Jien personalment ma kelli ebda pjan li nagħmel dan iżda b’xi mod irnexxielu jipperswadini. Fuq kollox, imn’Alla ġara hekk għax wettaqt waħda mix-xewqat tiegħi li nipparteċipa f’dan il-konkors.”

Iżda Claudia tippjana li terġa’ tieħu sehem f’dan il-festival? Hi qalet li ma teskludi xejn għax tħoss li dan il-festival fuq livell Ewropew ikabbrek ħafna bħala kantanta, jesponik tista’ tgħid madwar id-dinja kollha filwaqt li tiltaqa’ ma’ ħafna personalitajiet distinti.

Induru fuq Mużika Mużika, pjattaforma oħra ta’ mużika lokali li twieldet fis-sena 2021 u li hi waħda ferm sabiħa. Claudia Faniello ħadet sehem matul din l-edizzjoni 2022 bil-kanzunetta Ġmielek.

“Ġmielek hi kanzunetta li fiha messaġġ qawwi speċjalment li kull bniedem għandu s-sabiħ tiegħu. Din tibqa’ waħda mill-iktar kanzunetti importanti tiegħi. Jien fix-xogħol tiegħi bħala Learning Support Educator niltaqa’ ma’ ħafna każijiet fejn ċerti tfal ikollhom diffikultajiet kbar aktar u aktar meta ġejjin minn każijiet soċjali diffiċli. Għalhekk ridt inwassal messaġġ importanti li dawn it-tfal għandhom jiġu mgħejjuna filwaqt li noħorġu t-tajjeb li għandhom fihom.”

Ġmielek hi kanzunetta ta’ Philip Vella u Joe Julian Farrugia u spiċċat fit-tielet post ta’ dan il-konkors mużikali.

Minbarra l-vuċi unika u impekkabbli ta’ Faniello spikkat il-lingwa tas-sinjali.

Permezz tal-lingwa tas-sinjali, li hi xi ħaġa li m’aħniex imdorrijin naraw fejn tidħol mużika, Claudia wasslet messaġġ importanti ħafna ta’ inklużjoni.

Il-komunikazzjoni hija parti kruċjali mill-inklużjoni, u proprju f’dawk il-mumenti, permezz tal-kanzunetta tagħha, Claudia tesprimi l-valur ta’ kull individwu u tikkomunika ma’ dawk li jużaw il-lingwa tas-sinjali

Dan jirrifletti wkoll fil-messaġġ li twassal il-kanzunetta Ġmielek, li tittratta dwar kif għandna nagħrfu l-ġmiel ta’ xulxin, mhux biss dak ta’ barra, imma ħafna aktar ta’ ġewwa.

Sadanittant hi qaltilna li m’għandhiex pjanijiet li terġa’ tieħu sehem f’Mużika Mużika li ddeskrivitu bħala wieħed mill-isbaħ festivals li ġie introdott f’dawn l-aħħar snin.

Tkellimna ma’ Claudia dwar is-sitwazzjoni preżenti fejn għandha x’taqsam il-mużika lokali. Kemm qed titjieb?

“Naħseb li qed naraw titjib kbir fejn għandu x’jaqsam mal-mużika bil-lingwa Maltija. Din qed tiġi apprezzata dejjem iktar min-nies u għalkemm l-opportunitajiet mhux ħafna xorta waħda qed nara li żdied it-talent. Nemmen għalhekk li x-xena mużikali Maltija qed tikber”

Fl-istess waqt, kemm qed jiġi apprezzat il-kantant Malti fl-interpretazzjonijiet tiegħu? Jew inkella jiġi xi kantant barrani u kulħadd imur jiġri warajh jitolbu l-firem?

“Jien nemmen li bil-mod il-mod qed naraw aktar apprezzament mill-poplu Malti lejn il-kantanti Maltin. B’xorti tajba qed jiżdiedu wkoll l-għajnuniet lejn dawn il-kantanti għalkemm fadlilna xi ftit x’naqdfu iżda ninsabu fit-triq it-tajba.”

Claudia Faniello qalet li ġaladarba tiġi kantanta ta’ fama mondjali fosthom Madonna, hi stess tmur tara l-kunċert tagħha minħabba l-potenzjal li fiha u l-popolarita’ li għandha madwar id-dinja kollha.

Iżda kif jirnexxielha tlaħħaq mal-mużika, mal-kant u max-xogħol proprja tagħha?

“Biex ngħidlek il-verita’ bħalissa apparti l-kant, il-mużika u x-xogħol tiegħi, qed nistudja wkoll fuq psikoterapija u għalhekk ftit tista’ tgħid li għandi spazju fejn niġġebbed iktar.”

“Madankollu b’rieda soda, determinazzjoni u dedikazzjoni, dejjem irnexxieli nlaħħaq ma’ dak li kelli ppjanat. Trid torganizza ħinek sew veru inkella ma taqbadx irkaptu!”
Insaqsu lil Claudia Faniello dwar il-pjanijiet tagħha għall-futur. Hi qaltilna li għalissa m’għandhiex ippjanat li toħroġ album u għalhekk forsi tiffoka fuq mużika ġdida għalkemm il-prijorita’ assoluta bħalissa hu l-istudju u l-kors li qed tagħmel.

Faniello sostniet li ġaladarba l-kantanti u l-gruppi mużikali reġgħu rpiljaw wara nuqqas ta’ sentejn dovuti għall-pandemija tal-COVID-19, issa hemm aktar entużjażmu u għalhekk hi stess se tipprova terġa’ toħroġ materjal ġdid ġaladarba tispiċċa l-istudji tagħha.

Iżda ġieli għaddiet minn moħħ Claudia li tmur tgħix barra minn Malta u tiffoka fuq mużika biss?

“Dan il-ħsieb għaddili ħafna drabi minn moħħi speċjalment għax jien inħobb il-mużika. Biex ngħidlek il-verita’ ġieli għaddietli minn moħħi li mmur ukoll barra minn Malta bħala edukattriċi. Iżda minħabba raġuni jew oħra, jien bqajt hawnhekk.”

Finalment tlabna lil Claudia Faniello sabiex tgħaddi l-aħħar messaġġ tagħha lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u jixtiequ jaqbdu karriera fil-kant.

“Dejjem trid tkun determinat f’dak kolli li tagħmel, qatt m’għandek taqta’ qalbek u fl-istess waqt taf kemm taf qatt m’hu biżżejjed.”

“Jekk bniedem iżomm saqajh mal-art f’dak kollu li jagħmel, se jiġi apprezzat aktar u s-suċċess tista’ tgħid li jiġi waħdu.”

Ekonomija

Sport