Tuesday, December 24, 2024

“Bniedem li dejjem iġġudika skont il-fatti li għandu quddiemu”

Titressaq in-nomina tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Istandards

Aqra wkoll

Fil-Parlament bdiet tiġi diskussa mozzjoni mressqa mill-Gvern dwar in-nomina tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi għall-ħatra ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela beda biex qal li jemmen li stat demokratiku jiffunzjona sew meta l-istituzzjonijiet kollha tiegħu jkunu qed jaħdmu f’armonija flimkien. “Mhux ikollok istituzzjoni jew oħra titħalla battala kif evidentement hi x-xewqa tal-oppozzjoni.”

“Meta nisma oġġezzjonijiet bla bażi ma ttunix tort nikkonkludi li raġuni ewlenija għal dawn l-oġġezzjonijiet li n-naħa l-oħra ma tiħux pjaċir li jkollna skrutinju minn persuna newtrali,” qal il-Prim Ministru. “Għalihom, is-saltna tad-dritt tfisser li d-deċiżjonijiet jingħataw skont dak li jemmnu huma.”

Huwa ddeskriva lill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi bħala bniedem li jagħmel ġieħ lir-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja. Qal li huwa wkoll umli, onest, rett u ta’ għarfien legali sod.

Il-Prim Ministru mbagħad għamel elenku tal-kwalitajiet u l-karatteristiċi li jrid ikollu n-nominat sabiex jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

“Għandu jkun kapaċi japplika l-liġi eżistenti għall-provi li jirriżultaw quddiemu. Għandu jagħmel dan kollu b’mod meqjus, ġust u li jasal għad-deċiżjoni tiegħu skont il-ħaqq u s-sewwa u ma jagħti l-ebda kunsiderazzjoni għal fatturi estranji.
“M’għandux ikun xi ħadd immanipulat minn forzi esterni għall-uffiċċju tiegħu. Għandu jifhem u jagħraf kull każ li jkollu quddiem kif għandu jiġi deċiż mod jew ieħor mingħajr ma jissokkombi għal dawn il-pressjonijiet.

“Qatt m’għandu jippermetti li l-kariga tiegħu tintuża biex jagħmel xi ħsara lil xi ħadd minn naħa jew oħra tal-Kamra iżda għandu jara biss li jiġġudika skont il-provi li jkollu quddiemu.

“Dak kollu li jgħodd għall-Kummissarju, jgħodd ukoll għal dawk kollha li jaħdmu fl-uffiċċju tiegħu. Barra minn hekk, li jħalli l-liġi tirregolah. Ma jistax jarroga għalih innifsu xi setgħa li joħloq għalih innifsu regoalmenti ġodda biex jakkomoda xi klikka tibda tagħmillu pressjoni pubblika fuqha jew xorta oħra biex jagħmel dak li jgħidulu huma u jikkundizzjonawh fid-deċiżjoni ttiegħu,” qal il-Prim Ministru.

Qal li l-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi serva bħala Kummissarju għall-Ġustizzja, fl-2003 ġie maħtur bħala Imħallef tal-Qrati Superjuri, serva fil-Qrati tal-Appell Superjuri u aktar tard ġie maħtur biex iservi bħala President tal-Qrati. Qal li għal snin twal serva bħala avukat prattikanti u għalhekk jissodisfa l-imsemmija rekwiżiti. Dan filwaqt li kien ukoll President ta-Kamra tal-Avukati.

“Kien il-President Emeritu u l-eks PM Dr Eddie Fenech Adami li għoġbu jagħtih il-fiduċja iegħu sabiex jinħatar bħala imħallef fil-bank tal-ġudikatura. Fiduċja li qatt ma smajt lil ħadd jgħid fi 18-il sena jservi ta’ mħallef, fosthom perjodu serva ta’ prim imħallef u president tal-Qrati li dik il-fiduċja mqar xi darba ġiet imxellfa. Dejjem iġġudika skont il-fatti li għandu quddiemu,” qal il-Prim Ministru.

Huwa kompla billi nnota li għalhekk kellha titressaq emenda biex isir żblokk u l-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards ma tibqax aktar battala. Qal li ġaladarba jinħatar Kummissarju, tibda d-diskussjoni dwar il-mozzjoni ta’ Ombudsan u hemm stqarr li l-Gvern se jappoġġja n-nomina tal-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon.

Il-Prim Ministru temm jgħid li “l-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika hija għodda biex inġibu l-ġid li biha nistgħu nagħmlu aktar riformi. Il-ġenerazzjonijiet futuri jiddependu wkoll fuq id-deċiżjonijiet li jittieħdu hawn.”

Ekonomija

Sport