Saturday, December 21, 2024

‘Boezju u l-Filosofija’ lura Malta: Il-kapolavur ta’ Preti issa jista’ jitgawda mill-pubbliku

Aqra wkoll

‘Boezju u l-Filosofija’, opra ta’ Mattia Preti u l-aħħar akkwist tal-gvern għall-Kollezzjoni Nazzjonali, issa tista’ titgawda mill-pubbliku ġenerali ġewwa l-MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, mis-17 sal-31 ta’ Lulju.

Dan l-arrikkiment tal-Kollezzjoni Nazzjonali ta’ Malta kien possibbli grazzi għall-akkwist tal-kapulavur mill-gvern fi Frar li għadda. L-akkwist tal-opra għas-somma ta’ €1,323,000 waqt l-Old Masters Auction ta’ Sotheby’s, ġewwa New York, ġie finanzjat mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali.

“‘Boezju u l-Filosofija’ għandha rabtiet importanti ma’ Malta,” enfasizza l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali José Herrera. “Permezz ta’ dan l-akkwist, irritornajniha lis-sid leġittimu tagħha, il-poplu Malti.” Il-Ministru Herrera żied jgħid li ‘Boezju u l-Filosofija’ issa hija uffiċjalment taħt il-ħarsien ta’ Heritage Malta, hekk kif infdat bil-kustodja tagħha għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

“Dan l-akkwist kien possibbli grazzi għall-kollaborazzjoni tagħna mal-Gvern u l-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali,” stqarr Anthony Scicluna, iċ-Chairperson ta’ Heritage Malta. “Inħares ’il quddiem għat-tlestija tax-xogħlijiet ta’ restawr ġewwa l-Palazz tal-Granmastru, sabiex ‘Boezju u l-Filosofija’ sa fl-aħħar terġa’ ssib postha fejn kienet oriġinarjament imdendla.”

“Dan l-akkwist, li huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu għall-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, jagħmel parti mill-għanijiet tal-fond, jiġifieri l-protezzjoni u t-tisħiħ tal-wirt kulturali,” qal Raymond Ellul, il-Kap Eżekuttiv tal-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali.

Il-Professur Keith Sciberras, il-Kap tad-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti fil-Fakultà tal-Arti, qal li “l-kwalità fit-teknikalità, it-tema sofistikata, in-narrattiva b’saħħitha u l-oriġini tal-‘Boezju u l-Filosofija’ jagħmluha xogħol straordinarju”.

Ekonomija

Sport