Saturday, December 28, 2024

Bologna jkeċċu lill-coach Sinisa Mihajlovic … bi swied ta’ qalb

Aqra wkoll

Il-president ta’ Bologna, Joey Saputo, qal li kienet “deċiżjoni ta’ swied il-qalb” wara li keċċew lill-manager Sinisa Mihajlovic wara ħames logħbiet tal-istaġun il-ġdid tas-Serie A.

Il-club għadu mingħajr rebħa u jinsab fis-16-il post fil-klassifika wara tliet draws u telfiet kontra AC Milan u Lazio.

“Kienet l-aktar deċiżjoni diffiċli li ħadt minn mindu kont president ta’ Bologna,” qal Saputo.

Mihajlovic, ta’ 53 sena, ġie kkurat għal-lewkemja, wara li ġie djanjostikat bil-marda għat-tieni darba f’Marzu li għadda.

“Fl-aħħar snin għexna flimkien ma’ Sinisa mumenti sbieħ u ta’ wġigħ il-qalb li kkonsolidaw relazzjoni  mhix biss professjonali, iżda fuq kollox umana,” żied jgħid Saputo.

“Mihajlovic iffaċċja l-marda b’kuraġġ u determinazzjoni mill-jum li fih ried jagħmel pubbliku l-istat tas-saħħa tiegħu f’konferenza stampa kommoventi.

“Minn dakinhar, minkejja ż-żjarat fl-isptar u l-effetti kbar tat-trattamenti li kien suġġett għalihom, huwa dejjem baqa’ qrib it-team, għamel kull sforz biex ikun f’kuntatt mal-players … nirringrazzja wkoll għall-professjonalità tal-istaff tiegħu.”

L-eks internazzjonali tal-Jugoslavja Mihajlovic, f’Lulju 2019 ħabbar għall-ewwel darba li kellu lewkemja.

Ekonomija

Sport