Fl-okkażjoni tal-15-il sena mit-twaqqif tiegħu, il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) nieda first- day cover u timbru kommemorattiv b’bolol speċjali li jagħtu ġieħ lix-xogħol tal-ħafna voluntiera u għaqdiet volontarji fis-soċjetà tagħna. Dawn il-bolol jiċċelebraw lid-diversi setturi differenti li fihom l-għaqdiet volontarji huma attivi, fosthom l-inklużjoni, l-arti, l-edukazzjoni u ambjent sostenibbli.
Il-first-day cover ġiet ippreżentata lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli f’attività fil-Palazz tal-Verdala, il-Buskett, wara preżentazzjoni mill-Maltapost lill-Kunsill, fil-Mużew Postali fil-Belt Valletta.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli spjegat kif, matul is-snin, il-gvern kompla jsaħħaħ is-settur tal-volontarjat f’pajjiżna b’investiment ta’ madwar €14-il miljun u nofs f’fondi lill-għaqdiet volontarji. Fondi li ġew imsarrfa f’diversi proġetti u inizjattivi fil-komunitajiet tagħna. Stqarret li llum il-Kunsill jirrappreżenta ’l fuq minn 1860 għaqda volontarja rreġistrata. Il-Ministru temmet id-diskors tagħha b’ringrazzjament lill-membri kollha li servew f’dan il-Kunsill kif ukoll lil dawk il-voluntiera kollha li ta’ kuljum jaħdmu għall-ġid tas-settur tal-volontarjat.
Gertrude Buttigieg, Chairperson tal-Kunsill, qalet li t-tema prinċipali li għażel il-Kunsill għall-okkażjoni tal- għeluq tal-15-il sena hija dik li jagħtu l-vuċi u viżibilità lis-settur tal-volontarjat. “Għal din il-first-day cover u anki fil-ħafna inizjattivi li qed norganizzaw, il-Kunsill qiegħed dejjem jara li jkompli jagħti aktar vuċi u aktar viżibilità li jixraq lil dan is-settur”.
Min-naħa tiegħu, Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS, qal, “Filwaqt li nħarsu lura lejn 15-il sena ta’ xogħol li sar, speċjalment jekk naraw minn fejn bdejna u l-istorja sabiħa ta’ dan il-Kunsill, inħarsu wkoll b’ħeġġa lejn il-futur li fih ser inkomplu nagħtu s-sapport tant meħtieġ sabiex l-għaqdiet u l-voluntiera jkollhom spalla fejn iserrħu waqt li jagħtu s-servizz tagħhom lis-soċjetà.”