Tuesday, February 4, 2025

“Bonds tal-kumpaniji qed iwasslu tkabbir rekord tas-swieq kapitali f’Malta”

- Nick Calamatta, Co-CEO ta’ Calamatta Cuschieri Moneybase

Aqra wkoll

Is-suq lokali ta’ bonds tal-kumpaniji kiber ħafna f’dawn l-aħħar snin, primarjament minħabba l-fatt li llum, l-investituri saru jifhmu iżjed u għalhekk, għandhom iżjed kunfidenza jinvestu. Skont NICK CALAMATTA, Co-CEO ta’ Calamatta Cuschieri Moneybase, “dawn l-investituri ġodda qed Iħossuhom miġbudin minn opportunitajiet ta’ investiment iżjed attraenti, andament ekonomiku b’saħħtu u sentiment iżjed pożittiv.”

Is-swieq kapitali dejjem kellhom rwol importanti fil-progress ekonomiku ta’ Malta u l-potenzjal tagħhom li jgħinu lill-pajjiż irawwem l-investimenti sostanzjali meħtieġa għal aktar tkabbir, ma jistax jiġi miċħud. 

Kien fl-2013 li Calamatta Cuschieri ħadet deċiżjoni strateġika li tidħol is-settur tas-swieq kapitali u minnufih bdiet tikseb riżultati pożittivi grazzi għal tim professjonali li kien mgħammar bit-tagħrif kollu meħtieġ b’għajnuna mill-wealth management team. Matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-kumpanija ħadet sehem f’70 ħarġa ta’ bonds.

“Meta wieħed iħares lejn it-tkabbir ekonomiku f’dawn l-aħħar snin, wieħed jista’ faċilment jara rabta mar-rwol tas-swieq kapitali,” jispjega Nick Calamatta. 

Waqt seminar li kien sar is-sena l-oħra dwar is-Swieq Kapitali u li kien organizzat minn Calamatta Cuschieri Moneybase, is-Sur Calamatta kien spjega kif b’il fuq minn €20 biljun f’depożiti fil-banek, għad hemm ħafna potenzjal għal aktar investiment produttiv, ukoll permezz ta’ stimolu tas-suq sekondarju sabiex jinħoloq iżjed tkabbir.

Is-Sur Calamatta spjega kif fl-2024, il-gvern kien ħabbar pjan ta’ finanzjament tal-budget bil-ħruġ ta’ 4 bonds, u li s’issa, tliet ħarġiet minnhom kienu konklużi.

“Storikament dan il-ħruġ ta’ bonds kien ikun dominat minn investituri żgħar, iżda din is-sena kien hemm bidla sinifikanti bis-sehem ta’ iżjed investituri istituzzjonali. Filwaqt li ħarġiet sostanzjali jista’ jkollhom impatt fuq strumenti oħra, kien hemm biżżejjed kapital fis-suq sabiex jissodisfa l-ħtieġa ta’ dawn il-ħarġiet.”

“Fl-opinjoni tiegħi, għall-gvern huwa kruċjali li jkun hemm bażi b’saħħitha ta’ investituri żgħar ukoll jekk dan ikun ifisser spiża ftit iżjed ogħla ta’ self. Ir-raġuni hija li investituri żgħar iżommu l-investimenti taħhom it-tul u dan inaqqas l-ispekulazzjoni u l-volatilità ta’ bonds maħruġa mill-gvern. Jekk dawn l-investituri jibqgħu jingħataw prijorità, tkun żgurata iżjed stabbiltà fis-suq tal-bonds,” kompla jgħid is-sur Calamatta.

Matul l-2024, CC kellha rwol ewlieni fil-ħruġ ta’ bonds tal-kumpaniji fejn iffaċilitat €303 miljuni f’bonds minn setturi differenti. X’tip ta’ kumpaniji ħarġu dawn il-bonds u kien hemm xi setturi partikolari li raw domanda ogħla jew iżjed tkabbir? 

“L-2024 rat l-akbar istituzzjoni finanzjarja ta’ Malta, il-Bank of Valletta toħroġ €100 miljun f’bonds, u issa, aktar banek mistennija jagħmlu dan hekk kif jixtiequ jikbru u se jkollhom bżonn aktar ekwità biex jiffinanzjaw l-istruttura kapitali tagħhom. Bonds sostnuti minn proprjetà komplew jiddominaw, minkejja t-tħassib dwar is-sehem kbir tagħhom fis-suq.” 

“Hemm min jesprimi tħassib dwar il-fatt li s-swieq finanzjarji jkunu esposti għall-propjetà iżda din il-ħaġa ma narahiex inkwetanti. Għalkemm kien hemm sforz sabiex ikun hemm diversifikazzjoni fil-ħruġ ta’ bonds minn setturi differenti, is-settur tal-propjetà f’Malta jibqa’ wieħed b’saħħtu u mistenni jibqa’ l-iżjed klassi importanti ta’ assi.” 

U filwaqt li l-bonds ta’ kumpaniji lokali dejjem kienu popolari fost l-investituri, is-snin riċenti wrew kif it-tkabbir ekonomiku wassal għal aktar ħruġ minn kumpaniji differenti li wassal tkabbir proporzjonat fil-bażi tal-investituri.

“Matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-popolazzjoni lokali saret aktar sinjura, u d-depożiti żdiedu. Ninnota wkoll kif l-għarfien tal-investitur tjieb drastikament u llum l-investituri huma aktar sofistikati u aktar infurmati meta jiġu biex jinvestu,” innota Nick Calamatta.

Hekk kif il-kumpaniji qed ifittxu alternattivi minflok finanzjament bankarju tradizzjonali, il-bonds tal-kumpanijin saru għodda ċentrali fil-bini ta’ strutturi kapitali aktar sofistikati. 

“Filwaqt li n-negozji kienu jiddependu biss fuq self normali jew overdrafts, illum għandhom aċċess għal diversi strumenti bħal bonds, faċilitajiet ta’ kreditu rotanti, u self imfassal apposta, evoluzzjoni li tirrifletti l-ħtieġa dejjem tikber għal soluzzjonijiet ta’ finanzjament flessibbli mmexxija minn tkabbir lokali, internazzjonalizzazzjoni, u konsolidazzjoni tas-settur.”

“Li nkomplu nwessgħu dawn l-għażliet huwa importanti biex is-settur finanzjarju jkun jista’ jgħin lill-kumpaniji lokali jikkompetu fuq livell globali,” żied qal.

Huwa u jħares ‘il quddiem, Nick Calamatta qed iħares lejn l-2025 bħala sena li potenzjalment se tkun sena oħra rekord għall-ħruġ ta’ bonds minn kumpaniji fejn diġa hemm xi kumpaniji qed iħejju ruħhom.

“Iktar kumpaniji lokali qed jikkumplimentaw il-finanzjament bankarju b’dejn fit-tul, u huwa evidenti li l-kumpaniji huma kunfidenti biżżejjed biex jieħdu proġetti ġodda fit-tul. U filwaqt li l-maġġoranza tal-bonds għandhom element ta’ finanzjament tal-proprjetà jew tal-ospitalità, qed nistennew ħruġ minn setturi differenti fosthom l-aeronawtika, komoditajiet u l-gaming.”

“L-isfidi huma inevitabbli fis-swieq kapitali. Il-kunflitti ġeopolitiċi jistgħu jaffettwaw l-istabbiltà u l-fiduċja tal-investitur, filwaqt li r-rati tal-imgħax li jvarjaw u l-pressjonijiet inflazzjonarji jżidu l-imprevedibbiltà. Ir-regolamentazzjoni tibqa’ suġġett sensittiv iżda vitali, li jeħtieġ approċċ ibbilanċjat għad-direttivi tal-UE. Bħala ġurisdizzjoni żgħira fl-UE, huwa kruċjali li nippruvaw nevitaw żvantaġġi regolatorji li jkunu jgħoddu għal kulħadd iżda li jista’ jkun ma jkunux adattati għal ekonomiji iżgħar.”

Lil dawk il-kumpaniji li forsi qed jikkunsidraw joħorġu bonds għall-ewwel darba, is-Sur Calamatta għandu ftit pariri siewja.

“Ħarġa ta’ bonds qatt ma hi mod faċli kif jinġabar kapital. Pass bħal dan għandu jkun ikkunsidrat minn dawk il-kumpaniji li għandhom l-istrutturi ta’ governanza tagħhom f’posthom u li verament jixtiequ jinvestu. Ovvjament, dawn jeħtieġ li jkunu megħjuna minn min jista’ jiggwidahom sew sabiex isibu l-aħjar soluzzjoni għall-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom.”

Madanakollu, dawk il-kumpaniji li qed jikkunsidraw li jidħlu fis-suq kapitali għall-ewwel darba, se jsibu proċess li ttejjeb ħafna matul dawn is-snin.

Illum, f’Malta hemm ‘il fuq minn 100 kumpanija li ħarġu bonds – fatt li juri kemm is-swieq kapitali lokali kapaċi jiksbu aċċess għal finanzjament fit-tul.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport