L-Oppożizzjoni bdiet kapitlu ġdid iżda mhux mingħajr kontroversja. Il-Kap il-ġdid Alex Borg, li għadu kemm inħatar wera ċar li l-ambizzjonijiet tiegħu li jmorru lil hinn mill-mexxej tal-PN fejn diġà qiegħed jippreżenta u jara lilu nnifsu bħala “Prim Ministru tal-futur”.
Matul il-Konvenzjoni Ġenerali tal-PN Borg indirizza lill-partitarji b’diskors mimli entużjażmu u frażijiet qawwija fejn iddikjara li, “dan hu l-mument tagħna ħbieb tiegħi. Dan huwa l-mument ta’ Malta u Għawdex tagħna. Dan huwa l-mument tal-Partit Nazzjonalista, mument għal min irid futur aħjar għal pajjiżna”. Madankollu, għal ħafna osservaturi l-messaġġ ta’ Borg ħakem aktar ambizzjoni personali milli sens ta’ għaqda fil-PN. Diskors li fil-verità, ma jirriflettix is-sitwazzjoni reali tal-Partit wara l-elezzjoni interna.
Lejla ta’ tensjoni u ġlied bejn partitarji
Il-lejla qabel il-Konvenzjoni kienet iddominata minn tensjoni u xi ġlied bejn partitarji. Il-proċess tal-għadd tal-voti dam ħafna skont xi partitarji, din kienet xejn inqas minn “diżastruż.” Ħafna li ħassewhom mwarrba, għax sabu l-bibien tad-Dar Ċentrali magħluqa, spiċċaw jistennew barra. Kumenti fuq il-midja soċjali esprimew din il-frustrazzjoni b’kliem bħal “maħduma minn wara l-bibien” u “il-Partit maqsum”.
Spalla ma’ Delia, iżda realtajiet differenti
Filwaqt li Borg indirizza lill-eks Kap Adrian Delia b’wegħda ċara li, “se nsaħħaħ u ngħaqqad il-partit flimkien mal-grupp parlamentari kollu. Il-wegħda tiegħi hija li se nkun qed naħdem spalla ma’ Adrian Delia,” il-fatti fuq il-post wrew realtà differenti: waqt li Borg ċċelebra barra l-bibien, partitarji ta’ Delia telqu. Din hija prova li l-PN għadu maqsum u bla għaqda vera.
Ambizzjoni kontra realità
Xi esperti politiċi jindikaw li l-enfasi ta’ Borg fuq il-futur tiegħu bħala Prim Ministru tista’ tkun strateġija politikuża. Il-kaos intern u l-fazzjonijiet iħallu dubju serju dwar il-kapaċità tiegħu li jwassal partit maqsum biex imexxi pajjiż.
L-għan ewlieni ta’ Borg huwa li jgħaqqad il-PN. Jista’ jkollu viżjoni ambizzjuża imma fir-realtà tanġibbli, għall-PN il-vera prova se tibqa’ kif il-Kap ġdid tal-PN Alex Borġ se jmexxi partit fil-kaos u kif se jneħħi l-firda interna li hemm fil-Partit qabel ma jħares lejn il-futur bħala Prim Ministru.