Sunday, March 1, 2026

Borg jammetti li wara 10 snin il-PN beda jisma’ u jagħti vuċi lill-poplu

Aqra wkoll

Waqt taħdita politika fil-Mellieħa l-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg semma’ l-konvenzjoni nazzjonali li tella’ l-Partit Nazzjonalista fi tmiem il-ġimgħa li għadda. Hawn ammetta li, “wara 10 snin ridna nagħtu vuċi lill-poplu f’post sigur. Il-Partit sema’ però, Malta tkellmet. Dak kien proprju l-ħsieb… Li mhux nitkellmu aħna l-politiċi imma intom. Bħala partit irridu kuljum nibnu billi nisimgħu lin-nies biex verament nibnu l-viżjoni ‘l quddiem. Ma nistgħux nibqgħu nimxu bil-kampanji ta’ propaganda”.

Il-Kap tal-PN fl-intervent tiegħu reġa’ fakkar fil-wegħda li qal li għamel lill-elettorat – dik li jibqa’ f’kuntatt man-nies. Insista li, “kienet proprju l-wegħda u t-trobbija tiegħi li nibqa’ f’kuntatt man-nies bħala parti mill-ħajja politika… Interraq fit-toroq, niltagħu man-negozji u nisma’ lin-nies biex nifhem l-isfidi li għandhom, sfidi li fihom nara opportunità biex inkabbru lil Malta u nimxu ‘l quddiem”.

Borg qal li f’din il-konvenzjoni kien hemm ħsibijiet li għarfuhom bihom in-nies u wiegħed li se jaħdmu fuqhom biex fil-proposti li se jagħmlu, ikomplu jaħdmu fuqhom. Reġa’ tenna li fil-konvenzjoni l-PN ried jagħti spazju liberu lil kulħadd. Kien hawn li ammetta li fil-pajjiż “hemm affarijiet tajbin u pożittivi imma hemm x’nirranġaw”.

Ma setax jonqos bħas-soltu jitfa’ dell ikrah fuq dak li skont huwa hija “popolazzjoni żejda” fejn il-PN nafu ilu jipprova joħloq kontroversji dwar il-ħaddiema barranin, ħaddiema li tant għandna bżonnhom u jikkontribwixxu fl-ekonomija b’saħħitha ta’ Malta. Semma’ wkoll ir-retorika tat-traffiku, l-isfidi fis-saħħa u l-problemi ta’ infrastruttura.

Finalment, barra l-attakki personali mhux ġustifikati fuq il-Prim Ministru, il-Kap tal-PN qal li jrid jindirizza “l-brain drain” li skont huwa ż-żgħażagħ tagħna qegħdin isofru minnu tant li “jitilqu barra minn pajjiżhom”. Aktar kliem li jħeġġeġ firda u jqanqal biża’.

Alex Borg, li jemmen li l-PN jista’ u jrid ikun fil-Gvern, temm jgħid li, “irridu viżjoni vera li toffri tama lil kulħadd għall-futur f’art twelidna. Din hija l-Malta ‘l quddiem li rrid nara fejn nagħtu opportunità li kulħadd jimxi ‘l quddiem… Aħna a government in waiting. La darba nkun fil-gvern se nibqa’ aktar fil-qrib tagħkom biex nibqa’ nisma’ l-isfidi tagħkom”.

Issa irridu naraw jekk wara l-elezzjoni li jmiss il-PN huwiex se jkollu jibqa’ jistenna biex xi darba jkun fil-gvern.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport