Sunday, January 18, 2026

Borg jgħid li l-PN huwa l-Gvern alternattiv li jifhem u jiftaħ il-bibien 

Aqra wkoll

Bi tmexxija għaqlija u bir-rieda politika, nistgħu noffru lill-Maltin u l-Għawdxin il-gvern alternattiv li jifimhom u li jiftħilhom il-bibien għal opportunitajiet u għal ħajja ta’ kwalità. Dan iddikjarah il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg il-Ħadd filgħodu waqt attività fiż-Żejtun.

Borg saħaq li l-Partit Nazzjonalista jappoġġja kull spazju miftuħ u park nazzjonali għall-familji Maltin u Għawdxin, Il-Kap tal-PN qal li skontu pajjiżna għandu bżonn diskussjoni serja u urġenti dwar il-pjanijiet lokali biex inħarsu lil dan pajjiżna u jkollna pjan serju għall-futur tal-lokalitajiet tagħna.

Fid-diskors tiegħu, Borg qal li l-partit immexxi minnu dejjem xpruna lil kull min ried jinvesti u jikber biex jagħmel dan u jimxi ‘l quddiem. Qal ukoll li l-PN ilu tlettax-il sena jisħaq fuq konnettività aħjar u fakkar fl-investiment li kien għamel Gvern Nazzjonalista fi tliet vapuri ġodda. 

Huwa saħaq fuq il-bżonn ta’ Labour Market Study biex ikunu identifikati s-setturi fejn għandna bżonn ħaddiema minn barra u l-oqsma li nistgħu ninċentivaw biex noffru opportunitajiet ġodda għall-Maltin. Hu u jindirizza l-kwistjoni tal-proprjetà, Borg irrimarka li; “l-isfida tal-proprjetà qed tinħass minn ħafna u Gvern Nazzjonalista jrid jindirizza din il-kwistjoni u jara li jsostni lil dawk kollha li jixtiequ jkollhom id-dar tagħhom”. 


Fl-għeluq tal-attività, il-Kap tal-PN qal li din hi sena kruċjali għaliex qed joqrob iż-żmien fejn il-poplu se jkun qed jagħżel il-Gvern li jmiss u li l-Partit Nazzjonalista qed iħejji ruħu biex ikun il-Gvern alternattiv – Gvern immexxi mill-Partit tan-Nazzjon.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport