Alex Borg u Adrian Delia jissodisfaw il-kriterji tal-verifika biex ikunu kandidati fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fi stqarrija l-PN qal li l-Kummissjoni Elettorali tal-PN tirċievi r-Rapport ta’ Verifika mħejji mill-Kummissjoni Kandidati; in-nominazzjonijiet jiftħu nhar il-Ħamis u l-elezzjoni se ssir is-Sibt 6 ta’ Settembru
Aktar kmieni llum l-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-Partit Nazzjonalista rċeviet ir-Rapport ta’ Verifika tal-Kummissjoni Kandidati tal-PN li jinkludi wkoll id-Dikjarazzjoni Motivata wara li saru l-verifiki meħtieġa dwar il-kandidati prospettivi għall-elezzjoni ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista skont il-provvedimenti tal-Istatut tal-PN.
Il-Kummissjoni Elettorali tal-PN tħabbar li Alex Borg u Adrian Delia – iż-żewġ kandidati li ddikjaraw l-interess tagħhom f’din il-kariga – jissodisfaw il-kriterji tal-verifika.
Issa li tlesta r-Rapport tal-Verifika, il-Kummissjoni Elettorali se tkun qed tilqa’ n-nominazzjonijiet bejn nhar il-Ħamis 14 ta’ Awwissu f’12pm u nhar it-Tlieta 19 ta’ Awwissu f’12pm. Matul dan il-perjodu jistgħu jitfgħu n-nominazzjoni tagħhom biss iż-żewġ kandidati prospettivi li ġew pożittivament verifikati u għaddew mill-proċess ta’ due diligence.
Kif jagħlqu n-nominazzjonijiet u l-Kummissjoni Elettorali tkun irċeviet iż-żewġ nominazzjonijiet tal-kandidati prospettivi, il-Kummissjoni torganizza l-elezzjoni għal Kap tal-PN, bil-votazzjoni se tkun qed issir is-Sibt 6 ta’ Settembru 2025 fost it-tesserati tal-PN li jkollhom tesserament validu mlaqqgħa apposta f’Konvenzjoni Ġenerali.