Borussia Dortmund huma mħassba bl-interess ta’ Liverpool f’Jude Bellingham, bir-Reds jingħad li qed jagħmlu mossa ta’ flus kbar fis-sajf għall-internazzjonali Ingliż.
Iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena reġa’ kien f’forma impressjonanti għal BVB matul l-istaġun 2021-22, fejn skorja erba’ goals u rreġistra 10 assists fi 28 dehra fil-kompetizzjonijiet kollha.
Bellingham għandu kuntratt ma’ Dortmund sa Ġunju 2025, iżda l-ġganti Ġermaniżi qed ‘javvanzaw taħditiet’ dwar ftehim ġdid u mtejjeb.
Il-club mill-Bundesliga jinsab imħasseb dwar l-interess ta’ Liverpool fl-Ingliż, li hu maħsub li hu mira ewlenija għat-team ta’ Jurgen Klopp.
Dortmund huma ħerqana li jiftiehmu dwar kuntratt ġdid ma’ Bellingham qabel is-sajf, b’Chelsea u Manchester United wkoll maħsuba li huma ammiraturi tat-talenti tiegħu.
Iż-żagħżugħ skorja tmien goals u rreġistra 14-il assist f’74 dehra għal BVB fil-kompetizzjonijiet kollha minn meta ngħaqad magħhom mingħand Birmingham City f’Lulju 2020.