Saturday, December 21, 2024

Borussia Monchengladbach jikkonfermaw li Denis Zakaria se jħalli lill-club

Aqra wkoll

Borussia Monchengladbach ikkonfermaw li l-midfielder Denis Zakaria se jħalli lill-club malli jiskadi l-kuntratt tiegħu fl-2022.

L-internazzjonali tal-Iżvizzera wasal biex jidħol fl-aħħar sitt xhur tal-ftehim tiegħu mal-club mill-Bundesliga u se jkun liberu li jiffirma ftehimiet ta’ qabel il-kuntratt ma’ timijiet barranin mis-Sibt ’il quddiem.

L-isforzi ta’ Monchengladbach biex jorbtu lil Zakaria bi ftehim ġdid ma rnexxilhomx iħallu l-frott, u l-club issa ħabbar li l-player ta’ 25 sena se jħalli l-club is-sena d-dieħla.

Stqarrija fuq il-website uffiċjali ta’ Borussia Monchengladbach qalet li: “Denis Zakaria informa lill-club bl-intenzjoni tiegħu li jitlaq fis-sajf wara ħames snin ma’ Gladbach.”

Arsenal, Liverpool, Bayern Munich u Barcelona huma kollha maħsuba li qed jippreparaw offerti għal Zakaria, li mill-2017 irreġistra 11-il goal u pprovda tmien assists f’144 logħba għal Monchengladbach.

Barra minn hekk, sieħeb ta’ Zakaria Matthias Ginter ikkonferma wkoll l-intenzjoni tiegħu li jfittex club ġdid meta l-ftehim tiegħu stess ma’ Monchengladbach jispiċċa fi żmien sitt xhur.

Ekonomija

Sport