Tuesday, December 24, 2024

Borża ta’ studju lil residenti Għawdxin li jixtiequ jsegwu Kors fl-Amministrazzjoni Sportiva

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li l-Ministeru għal Għawdex għall-ewwel darba qiegħed joffri borża ta’ studju lil residenti Għawdxin li jixtiequ jsegwu Kors fl-Amministrazzjoni Sportiva li se jkun offrut f’Għawdex stess u akkreditat f’livell ta’ MQF 5.

Għal dan l-Award in Sports Management, b’kollaborazzjoni m’Avanza Academy, il-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jiffinanzja 30% tal-ispejjeż involuti filwaqt li l-bqija tas-70% jistgħu jkunu rkuprati permezz tal-iskema Get Qualified.

Il-Ministru Camilleri stqarr li f’dawn l-aħħar xhur sar investiment kontinwu favur l-iżvilupp tal-isport f’Għawdex partikolarment fl-għajnuna lil bosta organizzazzjonijiet sportivi li jorganizzaw diversi avvenimenti b’tant passjoni u dedikazzjoni. Dan flimkien ma’ investiment bla preċedent f’faċilitajiet ta’ livell internazzjonali bħalma se jkun il-Kumpless Akkwatiku u Sportiv li x-xogħol tiegħu miexi b’ritmu mgħaġġel. Kompla jgħid li “b’tant opportunitajiet fil-qasam sportiv fi gżiritna llum kien imiss li nkattru din il-kullana t’investimenti billi din id-darba niffukaw fuq ir-riżorsa umana li tant hi importanti sabiex il-faċilitajiet sportivi u l-entitajiet sportivi jitmexxew fuq livell professjonali.”

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li dan żgur se jwassal sabiex is-sisien tal-isport ‘’Għawdex ikunu aktar b’saħħithom u dan meta fi ftit xhur oħra se jibdew il-preparamenti sabiex għall-ewwel darba fl-istorja gżiritna tieħu sehem fil-Logħob tal-Gżejjer li se jsiru f’Guernsey f’Lulju 2023.

Is-sessjonijiet se jsiru fiċ-Ċentru tal-Università ta’ Malta fix-Xewkija, darbtejn fil-ġimgħa bejn il-5pm u t-t-8pm u se jibdew f’Jannar 2022.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 21498994 / 79205152 jew jibgħat email fuq [email protected]

Ekonomija

Sport