Wednesday, December 25, 2024

Bosta jifirħu lil Trump permezz ta’ messaġġi fuq il-pjattaforma X fosthom il-PM Malti

Aqra wkoll

Fuq il-pjattaforma ‘X’, il-Prim Ministru Robert Abela, f’isem il-Gvern Malti, feraħ lill-President Amerikan elett Donald Trump u qal li jħares ’il quddiem sabiex flimkien jaħdmu favur il-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità fid-dinja. 

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg qal kif Malta tħares ‘il quddiem biex tkompli taħdem mill-viċin tal-amministrazzjoni l-ġdida kif għamlet matul l-aħħar snin. 

Il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy awgura lil Trump għar-rebħa tiegħu fl-elezzjoni Presidenzjali tal-Istati Uniti. Huwa rrefera għal-laqgħa li kellhom f’Settembru li għadda, fejn kienet diskussa l-isħubija strateġika ta’ bejn l-Ukrajna u l-Istati Uniti, ‘l hekk imsejjaħ “Pjan tar-Rebħa” u l-modi differenti biex tintemm l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. 

“Napprezza l-impenn tal-President Trump għall-approċċ tal-“paċi permezz tas-saħħa” fl-affarijiet globali. Dan huwa l-prinċipju li prattikament jista’ jġib eqreb il-paċi ġusta fl-Ukrajna. Jiena nittama li se npoġġuh fil-prattika flimkien,” qal Zelensky fuq il-pjattaforma ‘X’. “Inħarsu ‘l quddiem għal era ta’ Stati Uniti b’saħħitha taħt it-tmexxija deċiżiva tal-President Trump.”

“Aħna interessati fl-iżvilupp ta’ koperazzjoni politika u ekonomika li tkun ta’ benefiċċju reċiproku biex minnu jibbenefikaw iż-żewġ nazzjonijiet tagħna,” kompla jgħid Zelensky. Tenna li jħares ‘il quddiem biex jifraħ personalment lil Trump u jiddiskutu flimkien il-modi li jsaħħu s-sħubija strateġika tal-Ukrajna mal-Istati Uniti.

Aktar kmieni: TRUMP JIDDIKJARA REBĦA FL-ELEZZJONI PRESIDENZJALI

Donald Trump indirizza lill-partitarji tiegħu fi Florida fejn ħabbar li rebaħ l-elezzjoni Presidenzjali Amerikana. Fl-ewwel diskors tiegħu, huwa rringrazzja lill-poplu Amerikan tal-unur li eleġġih bħala s-47 President tal-Istati Uniti.

Trump qal ukoll li se jkun qed jaħdem biex il-pajjiż ifiq. “Se niġġieldu għalik, għall-familja tiegħek u għall-futur tiegħek. Din se tkun tassew l-era tad-deheb għall-Amerika.”

Huwa ddeskriva din ir-rebħa bħala waħda sinifikanti li se terġa’ ġġib lill-Istati Uniti f’qagħda b’saħħitha. Qal li rebaħ stati bħala North Carolina, Pennsylvania, Georgia u Winsconsin li kienu meqjusa bħala stati li setgħu jintrebħu minn naħa jew oħra.

Trump ipproġetta li se jkun rebaħ l-elezzjoni b’minn tal-inqas 315-il vot mill-Kulleġġ Elettorali meta 270 huma biżżejjed biex persuna tiġi eletta President. Fl-istess waqt, jidher li huwa rebaħ ukoll il-vot popolari.

Fost in-nies li rringrazzja kien hemm martu Melania li issa bir-rebħa tiegħu saret il-First Lady Amerikana. Huwa rringrazzja wkoll lil uliedu u awgura lill-Viċi President il-ġdid JD Vance.

Aktar kmieni: Sa issa kollox jindika li Donald Trump qiegħed fuq quddiem

Matul il-jum tat-Tlieta kienu miljunii ta’ Amerikani li rħewla sabiex imorru jivvutaw fl-elezzjoni presidenzjali tal-Istati Uniti. Intant fil-ħin li għadda bdew jingħaddu l-voti u sa issa kollox jindika li l-eks President Donald Trump qiegħed fuq quddiem biex jiġi elett president.

Midja internazzjonali rrapurtat li Trump mistenni jirbaħ l-istat ta’ North Carolin u dak ta’ Georgia, liema żewġ stati huma meqjusin bħala tnejn importanti li jintrebħu minn kandidat jew ieħor.

S’issa Trump rebaħ 246 tal-voti tal-elettorat. Dan filwaqt li Harris rebħet 187 tal-voti tal-elettorat. Sabiex kandidat jirbaħ it-telliqa presidenzjali, għandu bżinn 270 vot.

Dan is-sit se jkun qiegħed jaġġornakom b’dak li qiegħed jiġri.

Ekonomija

Sport