Waqt il-konferenza ta’ Ernst & Young dwar ir-rapport tal-fiduċja fil-kumpaniji u kemm Malta hija atraenti għal investiment barrani, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sellem il-memorja tal-eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo.
Robert Arrigo, li kellu 67 sena, kien ilu xi xhur jiġġieled il-marda tal-kanċer, iżda fejn seta baqa’ attiv kemm fil-partit u anki fis-settur turistiku. Huwa kien ilu membru parlamentari sa mill-2003.
Fil-PN, Arrigo baqa’ sal-aħħar jaħdem biex itejjeb il-qagħda finanzjarja mwiegħra tal-Partit.
Wara Grech tkellem ukoll il-Prim Ministru Robert Abela li wkoll sellem il-memorja tad-deputat Nazzjonalista u eks viċi-kap tal-partit.
Fost ħafna persuni li sellmu l-memorja tiegħu kien hemm għadd ta’ partitarji ta’ Sliema Wanderers u tan-Neptunes WPC li fakkru dwar l-imħabba u l-impenn tiegħu lejn il-klabb.
Sadanittant, il-Partit Laburista fi stqarrija sellem ukoll il-memorja ta’ Arrigo li qiesu bħala persuna li se jibqa mfakkar għall-kontribut kbir tiegħu fis-soċjeta f’diversi oqsma fosthom dawk politiċi, soċjali u sportivi.