Intervent mill-bouncers ta’ Gianpula wassal biex Indjan ta’ 26 sena residenti Birkirkara jiġi arrestat u mressaq il-Qorti mixli bit-traffikar u l-pussess ta’ diversi tipi ta’ droga.
Fil-Qorti ħareġ li kien fis-sigħat bikrin tal-Ħadd, meta l-bouncers innutaw lil Nishit Rakeshkumar Bhatt allegatament ibigħ id-droga u wara infurmaw lill-pulizija dwar dan.
Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post u minn tfittxija li saret fuq ir-raġel instabu diversi sustanzi ta’ droga fosthom pirmli blu u trab abjad allegatament kokaina. Fuq il-persuna tiegħu nstabu wkoll mal-€405 fi flus kontanti.
Minn aktar tfittxijiet li saru fir-residenza tiegħu nstabet aktar droga u oġġetti relatati mad-droga. Fil-friex tas-sodda nstabu mal-€1,400 fi flus kontanti f’envelop. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat kien ammetta mal-pulizija li d-droga kienet tiegħu.
L-Indjan wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €9,000. Huwa kien ordnat jiffirma l-Għassa ta’ Birkirkara kuljum.
Bhatt qed jaffaċċja xejn inqas minn 15-il akkuża relatati ma’ pussess u traffikar tad-droga li jinkludu ecstasy, MDMA, 2C-B, kokaina, ketamina u Psilocybine.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Clayton Camilleri. L-Avukat Noel Bianco deher għall-imputat.