Monday, March 16, 2026

BOV COLOUR TIXĦED ID-DAWL FUQ IL-BENESSERE FIL-KOMUNITÀ FLIMKIEN MA’ RICHMOND FOUNDATION

Aqra wkoll

Parti mid-dħul tal-aħħar edizzjoni tal-BOV Colour My Run ingħatat lil Richmond Foundation, biex tgħin lil din l-NGO tkompli l-ħidma tagħha favur il-benesseri mentali fil-komunità.

Il-fun run ta’ 5 kilometri saret f’Novembru 2025 u kienet organizzata minn X-Tribe f’kollaborazzjoni ma’ Colour My Run Malta. Din kienet ukoll parti mill-isfida għall-benessere tal-Bank, li tħeġġeġ approċċ aktar bilanċjat lejn is-saħħa fiżika, mentali u finanzjarja. Parti mid-dħul ta’ kull reġistrazzjoni marret direttament lil Richmond Foundation, flimkien ma’ donazzjoni minn Bank of Valletta u kontribuzzjonijiet minn sponsors oħra.

Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia, ippreżenta d-donazzjoni lil Daniela Calleja Bitar, Kap Eżekuttiv tar-Richmond Foundation, waqt żjara li saret il-ġimgħa li għaddiet, fil-preżenza ta’ Nathan Farrugia, Fundatur ta’  X-Tribe.

L-isfida dwar il-benessere tal-Bank tiffoka fuq kif nagħmlu għażliet b’saħħithom aktar faċli biex inżommuhom, inkluż li nieħdu ħsieb l-aspett fiżiku, mentali, kif ukoll inżommu l-finanzi tagħna taħt kontroll. Permezz ta’ sħubijiet ma’ organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-benesseri u l-appoġġ fil-komunità, il-BOV għandu l-għan li jħeġġeġ passi żgħar u prattiċi li jistgħu jagħmlu differenzi reali.

Kenneth Farrugia qal, “Nitkellmu ħafna dwar il-benesseri, iżda fil-verità dan jitratta l-ħajja ta’ kuljum; kif inħossuna, kif naffrontaw il-ħajja, u x’appoġġ għandna madwarna. Għalhekk aħna kburin li nappoġġjaw lil Colour My Run u l-ħidma tar-Richmond Foundation. Fl-istess waqt,  inkomplu nħeġġu djalogi miftuħa u bla stigma, dwar is-saħħa mentali. Meta naħdmu flimkien bħala komunità, nistgħu nagħmlu differenza dejjiema għal persuni u familji madwar Malta.”

Nathan Farrugia, fundatur ta’ X-Tribue,qal li l-għan huwa li l-moviment ikun wieħed miftuħ għal kulħadd. “Ilkoll kemm aħna għanda nipproteġu s-saħħa mentali. Aħna nemmnu li s-saħħa fiżika u dik mentali jmorru id f’id, u waħda ssostni lill-oħra. L-organizzazzjoni tagħna hija ħerqana biex tappoġġa x-xogħol tar-Richmond Foundation, permezz tal-avveniment ta’ Colour My Run. B’dan il-mod, l-avveniment mhux talli jagħti pjaċir lil min jieħu sehem f’dak il-mument, jinkoraġixxi attività fiżika fil-miftuħ, u jgħin biex familji jgawdi ħin flimkien; iżda jagħti appoġġ finanzjarju wkoll. B’hekk, nittamaw li dan l-avveniment, u oħrajn tax-xorta tiegħu, ikomplu jservu biex jixprunaw aktar għarfien dwar is-saħħa mentali permezz ta’ attività fiżika.”

Daniela Calleja Bitar qalet: “Colour My Run tkompli tkompli titfa’ dawl fuq is-saħħa tal-kommunità tagħna fir-rigward tas-saħħa mentali. Dan l-avveniment huwa eżempju qawwi ta’ dak li jista’ jinkiseb minn kollaborazzjoni bi skop. Nirringrazzjaw lil Bank of Valletta, l-isponsors, l-imsieħba, u l-organizzaturi X-Tribe tal-appoġġ imprezzabbli u l-impenn tagħhom biex jgħinuna nkomplu nżidu l-għarfien u nippromwovu il-benessere mentali, waqt li nfakkru lil kulħadd li ħadd m’għandu jiffaċċja dawn l-isfidi waħdu.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport