BOV Fund Services (BOVFS) qed tfakkar 20 sena ta’ tkabbir, servizz u impenn lejn l-industrija tal-fondi f’Malta. Imwaqqfa f’Settembru tal-2006 taħt l-isem Valletta Fund Services, il-kumpanija assumiet l-operat tal-amministrazzjoni tal-fondi mingħand Valletta Fund Management, li kienet ġiet stabbilita fl-1995 permezz ta’ sħubija bejn Bank of Valletta p.l.c. u Rothschild & Co Asset Management. Minn dak iż-żmien ’il hawn, BOVFS kibret u saħħet il-pożizzjoni tagħha bħala fornitur ewlieni ta’ soluzzjonijiet għall-amministrazzjoni tal-fondi, filwaqt li toffri lill-fund managers u promoturi firxa komprensiva ta’ servizzi amministrattivi u korporattivi. Dawn jinkludu l-istrutturar tal-fondi, il-kontabilità tal-fondi, servizzi ta’ reġistru tal-azzjonisti, rapportar regolatorju, servizzi ta’ segretarjat korporattiv, kif ukoll servizzi ta’ appoġġ addizzjonali mfassla biex jilqgħu għall-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tal-industrija.
Dan l-anniversarju ġie mfakkar waqt attività kommemorattiva li laqqgħet flimkien lil dawk li taw sehemhom fil-vjaġġ u s-suċċess tal-kumpanija matul is-snin. Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv ta’ Bank of Valletta u l-ewwel General Manager ta’ BOVFS, irrefera għall-valuri li sawru u sostnew in-negozju matul dawn l-aħħar għoxrin sena. “Anniversarju bħal dan jirrifletti l-kontinwità, il-fiduċja, l-impenn u l-professjonalità li sawru lil BOVFS. Aħna nibqgħu impenjati li nappoġġjaw it-tkabbir kontinwu tal-kumpanija. Dan huwa konformi mal-viżjoni tagħna bħala Bank li nikkontribwixxu għat-tkabbir tal-ekonomija u li ngħinu biex insaħħu u niżviluppaw is-settur tas-servizzi tal-fondi f’Malta,” qal Kenneth Farrugia.
Dr Diane Bugeja, Chairperson ta’ BOVFS u direttur mhux eżekuttiv tal-BOV, tkellmet dwar ir-reżiljenza tal-kumpanija u l-kapaċità tagħha li tadatta għal żewġ deċennji ta’ bidliet regolatorji. Qalet, “BOVFS kompliet tikber filwaqt li żammet il-pożizzjoni tagħha f’ambjent regolatorju li qiegħed kontinwament jevolvi. Dan l-anniversarju mhux biss opportunità biex niċċelebraw il-kisbiet tagħna, iżda wkoll biex inħarsu ’l quddiem b’kunfidenza hekk kif inkomplu nappoġġjaw l-iżvilupp tal-industrija tal-fondi.”
B’ħarsa lejn il-ġejjieni, Loredano Agius, General Manager u Direttur ta’ BOVFS, qal li l-aspettattivi li qed jinbidlu tal-investituri jirrikjedu interazzjoni aktar rapida u aktar diġitali, mingħajr ma jiġu kompromessi kontrolli robusti u standards għoljin ta’ governanza. Qal, “Waqt li nfakkru dan l-anniversarju, l-attenzjoni tagħna hija ffukata b’mod ċar fuq il-ġejjieni. Se nkomplu nimmodernizzaw it-teknoloġija u l-mudell operattiv tagħna, sabiex BOVFS tibqa’ mgħammra biex taqdi lill-klijenti tagħha u tappoġġja lill-industrija għal ħafna snin oħra li ġejjin.”
BOVFS hija sussidjarja kompletament proprjetà ta’ Bank of Valletta p.l.c. u hija awtorizzata biex tipprovdi servizzi ta’ amministrazzjoni tal-fondi, kif ukoll liċenzjata bħala Class C Company Service Provider mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA). Matul dawn l-aħħar 20 sena, il-kumpanija żviluppat id f’id mat-tisħiħ tar-reputazzjoni ta’ Malta bħala ġurisdizzjoni Ewropea stabbilita u rispettata għad-domiċilju tal-fondi. Hekk kif l-industrija kibret fid-daqs u fil-kumplessità tagħha, BOVFS kompliet tespandi l-firxa tas-servizzi tagħha biex tilqa’ għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu tal-fund managers, li joperaw permezz ta’ strutturi u strateġiji ta’ investiment differenti, inkluż fil-qasam tal-assi diġitali.
