Friday, November 15, 2024

BOV Kampjonat Premier: Birkirkara f’ostaklu diffiċli kontra Floriana

Aqra wkoll

Meta tintlagħab it-tielet ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier, il-konfront bejn Birkirkara u Flo­riana huwa l-akbar attraz­zjoni filwaqt li l-attenzjoni ddur ukoll fuq Hamrun Spartans li ġejjin minn rebħa kbira ta’ 4-1 fuq Hibernians. Huma jilagħbu kontra Pietá Hotspurs.

Birkirkara v Floriana – Il-konfront bejn Birkirkara u Floriana huwa l-aqwa wieħed ta’ tmiem il-ġimgħa.

L-Istripes qed igawdu l-ewwel post tal-klassifika ma’ Balzan iżda fl-aħħar ħarġa kellhom jitħabtu meta għelbu lit-team promoss ta’  Zebbug Rangers bl-iskor ta’ 2-1 fejn kellhom idawru telfa f’rebħa.

Min-naħa l-oħra, Floriana kienu resqin lejn telfa iżda s- sostitut Andrei Ciolacu kien providenzjali biex il-Greens irkupraw żvantaġġ ta’ żewġ goals u temmew fi draw ta’ 2-2 kontra Sirens wara li dawn tal-aħħar kellhom lil Alex Cini mkeċċi.

Iż-żewġ timijiet se jkunu bl-aqwa formazzjoni possibbli.

Balzan v Gudja U. – Balzan jimmiraw li jirreġistraw it-tielet rebħa minn daqstant logħbiet meta jilagħbu kontra Gudja United.

Kuntrarju għall-istaġun li għadda, il-Balzanin kel­lhom bidu qawwi tal-istaġun u issa komplew jissaħħu bl-akkwist ta’ Alex Satariano.

Fiż-żewġ logħbiet pre­ċedenti huma ddominaw għal kollox lill-avversarji tagħhom u bħal donnhom qabdu ritmu tajjeb.

Il-coach “il-ġdid” Oliveri Spiteri nissel filosofija rebbieħa minħabba li t-team jidher għal kollox trasformat mill-istaġun li għadda. 

Min-naħa l-oħra, Gudja United spiċċaw fi draw ta’ 3-3 kontra Gzira United fejn naqsu milli japprofittaw mit-tkeċċija ta’ Luis Riascos.

Aktar minn wara li kienu qed igawdu vantaġġ ta’ żewġ goals, kellu jkun Johann Bezzina biex salva r-riżultat fl-aħħar ħames minuti.

Iż-żewġ timijiet m’għandhomx problemi ta’ player neqsin.

Zebbug R. v Sta Lucia – Dan huwa konfront dirett bejn żewġ timijiet li qed ifit­txu l-ewwel punti u għaldaqstant dan huwa meq­jus bħala konfront dirett hekk kif jidher li se jkunu qed jissieltu għas-salvazzjoni.

Filwaqt li fl-aħħar partita Sta Lucia naqsu milli jinfdu d-difiża avversarja fit-telfa ta’ 2-0 kontra Balzan, Zebbug Rangers ċedew vantaġġ fit-telfa ta’ 2-1 kontra Birkirkara. 

Din hija partita miftuħa għal kull riżultat u għal­daqstant it-tliet punti huma ferm prezzjużi biex iżommu l-profil tagħhom fl-ogħla diviżjoni.

Iż-żewġ settijiet ta’ plejers huma disponibbli filwaqt li Żebbuġ jilqgħu lura lil Lean­dro Almeida mis-sospensjoni.

Valletta v Sirens – Valletta jaffrontaw lil Sirens li rmew vantaġġ ta’ żewġ goals kontra Floriana biex kellhom jikkuntentaw fi draw ta’ 2-2.

Min-naħa l-oħra,  Valletta jinsabu f’forma brillanti. Wara li temmew fi draw ta’ 1-1 kontra ċ-champions Hibernians, huma warrbu għal kollox l-isfida ta’ Pietá Hotspurs b’rebħa kbira ta’ 6-0.

Bla dubju, jekk jibqgħu juru l-istess prestazzjonijiet żgur li se jkunu sfidanti denji għar-rebħ tat-titlu.

Fl-aħħar jiem l-iskwadra tagħhom ġiet imsaħħa bil-wasla tal-attakkant Bra­żiljan, Flavio Cheveresan, li diġà daq l-esperjenza tal-Premier League ma’ Sirens u Floriana.

L-uniku sospiż huwa Alexander Cini ta’ Sirens.

Gzira U. v Marsaxlokk – Gzira United jiffaċċjaw lil Marsaxlokk li ġejjin minn telfa ta’ 4-1 kontra Mosta fl-ewwel partita tagħhom ta’ dan l-istaġun. 

Ix-Xlukkajri se jimmiraw li jevitaw it-tieni telfa nfila hekk kif nhar l-Erbgħa li ġej, l-avversarji tagħhom se jkunu Hamrun Spartans, f’partita li ż-żewġ timijiet iridu jirkupraw minħabba l-impenji tal-Ispartans fl-Ewropa.

Il-Maroons jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ meta temmew fi draw ta’ 3-3 koontra Gudja United.

Iż-żewġ naħat għandhom player sospiż – Luis Riascos għal Gzira United u Santia­go Ferraris għal Marsa­xlokk iżda Leandro Aguirre jir­ritorna għalihom minn sospensjoni.

Mosta v Hibernians – Mosta jiltaqgħu maċ-champions Hibernians li ġew umiljati minn Hamrun Spartans bl-iskor ta’ 4-1.

Fir-realtà l-Pawlisti ġew ikkastigati għall-wirja fqira li ppreżentaw. Wara d-draw ta’ 1-1 kontra Valletta, kienu qed jimmiraw għal riżultat pożittiv kontra l-Ispartans iż­da naqsu milli jlaħħqu mal-pass mgħaġġel tal-Ispartans. 

Min-naħa l-oħra, il-moral ta’ Mosta huwa għoli ferm wara r-rebħa ta’ 4-1 fuq Marsaxlokk fejn jittamaw  li l-attakkant Niġerjan, Christ Ememe, ikun fl-aqwa forma biex jirrepeti l-wirja kontra x-Xlukkajri meta rreġistra hat-trick.

Filwaqt li Roderick Briffa jirritorna minn sospensjoni għal Mosta, Hibernians se jkunu mingħajr l-imweġġa’  Yunusa Muritala.

Hamrun S. v Pietá H.  – Il-mistoqsija li kull partitarju tal-football qed jistaqsi hija … min se jwaqqaf lil Hamrun Spartans wara li għelbu bi stil lil Hibernians 4-1?

Proprju għada huma jilagħbu kontra Pietá Hotspur li ġejjin minn telfa ta’ 6-0 kontra Valletta.

Il-qawwa tat-team u l-mod aggressiv kif qed jilagħbu, jidher li l-Hotspurs se jkunu l-vittmi li jmiss … għalkemm fil-football kollox jista’ jiġri.  Barra minn hekk huma għandhom skwadra twila u s-sostituti huma tajbin daqs dawk regolari.

Huma se jkunu mingħajr is-sospiż Vinicius De Freitas Ribeiro.

Ekonomija

Sport