Sunday, November 10, 2024

BOV Kampjonat Premier: Hibernians jiffaċċjaw ostaklu diffiċli f’Hamrun Spartans

Aqra wkoll

Wara li ntlagħbu l-ewwel żewġ partiti mill-programm tat-tieni ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier,  il-logħbiet ikompli f’dawn it-tlett ijiem li ġejjin bl-aktar waħda li tispikka tkun dik bejn Hibernians u Hamrun Spartans b’dawn tal-aħħar jagħmlu l-ewwel dehra tal-istaġun.  

Hibernians v Hamrun S. – Din hija l-partita li tispikka f’dan il-programm fejn iċ-champions Hibernians jiffaċċjaw lil Hamrun Spartans.

Dan il-konfront tressaq biex jintlagħab nhar it-Tnejn li ġej minħabba l-impenji tal-Ħamruniżi fil-Play-Offs tal-UEFA Conference League meta kitbu paġna ġdida fl-istorja tal-club kif ukoll poġġew il-football Malti fuq il-mappa kalċistika Ewropea.

Il-Pawlisti ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Valletta li f’xi ħinijiet batew quddiem id-determinazzjoni Beltija li dehru organizzati ferm.

Madankollu kienu tek­nikment u tattikament aħjar minħabba li Valletta kienu neqsin minn football kompetittiv wara li Hibernians kienu lagħbu sitt partiti fil-kompetizzjonijiet Ewropej.

Barra minn hekk, Gonzalo Llerena skorja goal mill- isbaħ li wasal minn pożiz­zjoni ferm angolata.

Il-partiti ta’ Hamrun fil-kompetizzjonijiet Ewropej kienu indikazzjoni li se jkunu l-aktar team qawwi f’dan l-istaġun.

Huma se jiddebuttaw f’dan l-istaġun f’partita ferm diffiċli.

L-Ispartans saħħew l-iskwadra b’bosta akkwisti li jinkludu lil  Ryan Camenzuli (Floriana), Luke Montebello (Birkirkara), Ognjen Bjelicic (Radnicki Nis), Vi­nicius (player liberu), Elvis Mashike (player liberu).

Zebbug R. v Birkirkara – Birkirkara jibdew favoriti meta jaffrontaw lil Zebbug Rangers li jimmiraw li jiksbu l-ewwel punti.

L-Istripes, meqjusa minn fost l-isfidanti ewlenin, ġejjin minn rebħa ta’ 2-0 fuq Sirens fejn ipproduċew wirja eċċellenti iżda kel­lhom jistennew sas-siegħa logħob biex jiftħu l-iskor.

Rebħa tkun tfisser punti massimi u tpoġġihom fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika. 

Ir-Rangers iridu jinżlu bi pjan difensiv fit-tentattiv biex jagħlqu l-ispazji kollha  u joperaw bil-kontrattakki.

Huma se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tas- sospiż, Leandro Almeida, wara li tkeċċa kontra l-Maroons.

Sirens v Floriana Floriana jiffaċċjaw lil Sirens li kellhom bidu negattiv għall-kampjonat meta sfaw megħluba minn Birkirkara bl-iskor ta’ 2-0.

Minkejja li qasmu l- logħob mal-Istripes għal ħafna ħinijiet, huma naqsu li jkunu inċiżivi biex ġew ikkastigati darbtejn.

Iżda issa għandhom iċ-ċans li jpattu għal dan id-diżappunt fil-partita kontra l-Greens. Barra minn hekk il-pressjoni tinsab fuq­hom għax telfa tħallihom mingħajr punt.

Min-naħa ta’ Floriana, li ħadu l-aħbar li l-coach Gian­luca Atzori ġedded il-kuntratt tiegħu b’sentejn oħra, dehru ferm kompatti fir-reb­ħa ta’ 2-0 fuq Pietá Hotspurs fejn kellhom ukoll jirbħu bi skor akbar. 

Il-Greens huma armati tajjeb f’kull dipartiment li jagħtihom l-impetus li jerġgħu jkun minn fost l-isfidanti ewlenin. Madankollu jridu juru l-konsistenza  biex iżommu l-aspirazzjonijiet tagħhom ħajjin.

Iż-żewġ naħat mistennija jinżlu bl-aħjar formazzjoni possibbli.

Marsaxlokk v Mosta – Wara assenza ta’ 11-il sena, Mosta jilqgħu lil Marsa­xlokk fl-ogħla diviżjoni.

It-team li għadu kif ġie promoss fil-Kampjonat Pre­mier, kien attiv fis-suq tat- trasferimenti biex saħħaħ l-iskwadra b’bosta akkwisti li kienu jinkludu lil Ayrton Attard (Hibernians), Thiago Adan (Real Kashmir), Oscar Carniello (Birkirkara), Conor Borg (Sirens) u Leandro Aguirre (Birkirkara).

Bla dubju, ix-Xlukkajri għandhom ikunu avversarji denja għal Mosta hekk kif l-objettiv tagħhom huwa li jissiġillaw il-profil tagħhom fl-ogħla diviżjoni.

Fl-aħħar ħarġa tagħhom, Mosta sofrew telfa ta’ 2-1 kontra Gudja United.

Madankollu huma wrew reżiljenza u kellhom il-mumenti tagħhom b’wirja sublimi fit-tieni taqsima. Fil-fatt kisbu d-draw … iżda Vito Plut ta r-rebħa lill-Gudjani.

Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż … Leandro Aguirre għal Marsaxlokk u Roderick Briffa għal Mosta li għalihom jirritornaw  Clayton Failla u Andre Spiteri minn sospensjoni.

Sta Lucia v Balzan – Sta Luċija jimmiraw għall-ew­wel punti meta jiltaqgħu kontra Balzan.

Wara li sofrew telfa ta’ 3-1 kontra Gzira United, is-Saints ma jaffordjawx li joħorġu b’idejhom vojta minkejja li għadna fil-bidu tal-istaġun. Dan minħabba li ma jridux jaqgħu lura u jirrepetu d-di­żappunt tal-istaġun li għadda meta sfaw relegati. Iżda fortunatament għalihom ġew aċċettati lura fl-ogħla diviżjoni wara li Pembroke Athleta ċedew l-istatus tagħhom minħabba problemi finanzjarji.  

Min-naħa l-oħra Balzan sabu “ġojjell” fl-attakkant Kolumbjan, Angel Yesid Torres. Huwa deher li ssetil­ja tajjeb fejn ħalla impres­sjoni tajba  meta ddebutta bi trippletta.

Dan il-player jawgura tajjeb biex Balzan ikollhom staġun sodisfaċenti wara d-diżappuntat ta’ dak preċedenti hekk kif spiċċaw fuq iż-żona tar-relegazzjoni.

Sta Lucia jridu jsibu pjan kif se jrażżnu lil dan il-player li se jkun pedina importanti għall-Balzanin.

Iż-żewġ naħat m’għandhomx players neqsin fejn Dylan Ciappara jirritorna għal Sta Lucia minn sos­pen­sjoni.

Sport