Matul dawn it-tlett ijiem tintlagħab is-seba’ ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier fejn, bla dubju, l- aqwa konfront ilaqqa’ l-ewwel żewġ timijiet fil-quċċata tal-klassifika – Hamrun Spartans u Birkirkara.
Partiti oħrajn li għandhom ikunu wkoll interessanti huma dawk bejn Mosta u Valletta u Gzira United u Floriana.
Birkirkara v Hamrun S. – Mingħajr l-ebda dubju, din il-partita mistennija tiġbed l-akbar attendenza lejn l-Istadium Nazzjonali s’issa dan l-istaġun hekk kif il-leaders Hamrun Spartans jaffrontaw lil Birkirkara li waqqgħu l-ewwel żewġ punti tal-istaġun proprju fi tmiem il-ġimgħa li għadda fid-draw ta’ 1-1 kontra Gudja United.
L-Ispartans, li huma l-uniku team b’punti massimi bil-goalkeeper Henry Bonello għadu l-uniku goalkeeper li ma sofra l-ebda goal, għandhom test mill-aktar diffiċli biex jissuperaw.
Jekk min-naħa l-oħra joħorġu rebbieħa jiftħu vantaġġ ta’ ħames punti fuq l-istess Stripes u teżisti possibbiltá kbira li jibdew it-triq biex jaħarbu bil-kampjonat. Dan minħabba li huma armati tajjeb f’kull dipartiment u l-mistqosija tkun liema team se jkun biex iwaqqaf il-furja tagħhom.
Huma ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 fuq Valletta li fil-veritá setgħet kienet akbar.
Birkirkara se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Osvaldo Iorio minn sospensjoni.
Mosta v Valletta – Dan huwa konfront li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji ta’ Valletta meta jiffaċċjaw lil Mosta.
Il-Beltin ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi u ma jaffordjawx li jwaqqgħu aktar punti. Barra minn hekk, huma ilhom ma jiskorjaw għal dawn l-aħħar erba’ partiti.
Huma jridu jirriorganizzaw minħabba l-possibbiltá li jistgħu jidħlu fi kriżi bħall-istaġun li għadda hekk kif jinsabu erba’ punti biss bogħod miż-żona l-ħamra.
Min-naħa l-oħra, Mosta jinsabu fis-seba’ post ma’ Floriana li fl-aħħar konfront spiċċaw fi draw ta’ 1-1 fejn il-Mostin fallew penalty fl-aħħar ħinijiet, meta l-goalkeeper tal-Greens, Georgi Kitanov, laqa’ x-xutt ta’ Clayton Failla mill-11-il metru.
Gzira U. v Floriana – Gzira United, li flimkien ma’ Hamrun Spartans, Birkirkara u Gudja United, għadhom bla telfa, jiltaqgħu kontra Floriana.
Din il-partita għandha tkun waħda bilanċjata u miftuħa għal kull riżultat fejn żball jista’ jiddetermina fejn jistgħu jmorru l-punti.
Filwaqt li l-Maroons jittamaw li ż-żewġ players, Jefferson De Assis u Maxuell Maia Da Silva jkunu fl-aqwa forma, il-Greens jisperaw li d-difiża trażżan għal kollox il-periklu li jistgħu joħolqu.
Floriana għandhom lil Christian Rutjens sospiż.
Balzan v Sirens – Balzan jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti meta jilagħu kontra Sirens li fil-veritá ddiżappuntaw bil-kbir meta jinsabu żewġ punti biss fuq iż-żona tar-relegazzjoni.
Barra minn hekk huma għadhom mingħajr rebħa u għaldaqstant dan huwa l-mument li jirreġistraw l-ewwel waħda minħabba l-biżgħa li se jibdew jinqatgħu mit-timijiet ta’ fuqhom bil-konsegwenza li jinqabdu fix-xibka tas-salvazzjoni.
Fl-istaġun li għadda, qabel is-seba’ ġurnata huma kienu qed jokkupaw it-tielet post. Illum huma jinsabu fit-tielet post mill-aħħar.
Min-naħa tagħhom, Balzan, kuntrarju għall-istaġun li għadda, huma team ittrasformat taħt it-tmexxija tal-coach, Oliver Spiteri, u jinsabu żewġ punti biss taħt iż-żona għall-kwalifikazzjoni tal-kompetizzjonijiet Ewropej.
Għalihom jirritorna Angel Torres minn sospensjoni.
Zebbug R. v Pietá H. – Dan huwa konfront dirett bejn żewġ timijiet fin-naħa t’isfel tal-klassifika li ħadd ma jaffordja jitlef.
Rebħa għal Zebbug Rangers tkun tfisser li jitbiegħu miż-żona l-ħamra. Iżda rebħa għal Pietá Hotspurs tkun tfisser li t-taqtiegħa għas-salvazzjoni tinfetaħ beraħ.
Ta’ min jgħid ukoll l-Hotspurs huma l-uniku team mingħajr punt. Għaldaqstant huma jinżlu motivati biex kontra team tampar tagħhom jagħmlu dak kollu possibbli biex jirreġistraw l-ewwel rebħa.
Iżda jekk ir-Rangers juru l-istess wirja kontra Hibernians minkejja li ħarġu telliefa 1-0, żgur li se tkun diffiċli għall-Pietaniżi.
Sta Lucia v Hibernians – Dan huwa konfront bejn żewġ ġirien li t-tnejn qed jiddiżappuntaw.
Filwaqt li ċ-champions Hibernians jinsabu fis-sitt post u distakkati bi tmien punti minn mal-leaders, Sta Lucia jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar b’punt wieħed biss.
Il-Pawlisti jibdew favoriti iżda l-Luċjani jimmiraw għal xi sorpriża hekk kif għandhom qed ifittxu l-ewwel rebħa kontra l-istess Hibernians fil-Kampjonat Premier.
Gudja U. v Marsaxlokk – Gudja United jimmiraw li jkomplu għaddejin bis-sensiela pożittiva meta jaffrontaw lil Marsaxlokk.
Iż-żewġ timijiet ġejjin minn riżultati ta’ draw … il-Gudjani kontra Birkirkara (1-1) u x-Xlukkajri kontra Sta Lucia (2-2). Interessanti huwa l-fatt li żewġ timijiet kienu qed igawdu l-vantaġġ iżda kellhom jikkuntentaw b’punt wieħed … l-aktar Marsaxlokk minħabba li sofrew il-goal tad-draw proprju fid-90 minuta permezz ta’ penalty.
Iż-żewġ timijiet neżlin bl-aqwa formazzjoni possibbli bil-Gudjani jridu jagħrfu jagħmlu pjan kif se jwaqqfu lill-Arġentin, Adrian Ferraris, l-aqwa player tat-team Xlukkajr.