It-tieni ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier se tippreżenta programm mill-aktar interessanti b’żewġ partiti li jqanqlu n-nostalġija tal-passat fejn Floriana jilagħbu kontra Birkirkara filwaqt li Sliema Wanderers jaffrontaw lil Valletta.
Iċ-champions Hamrun Spartans kif ukoll Hibernians jibdew favoriti li joħorġu bit-tliet punti meta jiffaċċjaw lil Naxxar Lions u lil Sta Lucia filwaqt li ż-żewġ partiti l-oħra, Sirens v Mosta u Gudja United v Marsaxlokk, huma meqjusa bħala bilanċjati.
Barra minn hekk, il-konfront bejn Balzan u Gzira United mistenni li jiġbed interess partikolari għal raġunijiet ovvji.
Floriana v Birkirkara – Dawn iż-żewġ timijiet ġejjin minn rebħa u għaldaqstant jimmiraw li jkomplu għaddejjin b’din in-nota pożittiva.
Fl-ewwel ħarġa tagħhom Floriana għelbu lil Sta Lucia b’mod konvinċenti bl-iskor ta’ 4-0 filwaqt li Birkirkara kellhom jitħabtu biex rebħu lit-team promoss ta’ Sliema Wanderers bl-iskor minimu ta’ 1-0.
Il-Greens jimmiraw li jiksbu l-ewwel rebħa fuq l-Istripes f’erba’ logħbiet meta l-aħħar li għamlu dan kien fit-23 ta’ Jannar, 2002, bl-iskor ta’ 1-0.
Jidher li Floriana ssaħħu f’kull dipartiment filwaqt li Birkirkara jibqgħu dak it-team li jista’ jisfida liċ-champions Hamrun Spartans.
Sliema W. v Valletta – Din hija partita bejn żewġ ġganti tal-football Malti li rebħu kullana ta’ unuri fl-istorja.
Peró, matul dawn l-aħħar snin dik is-saħħa li kellhom bħal donnha żvintat biex ma għadhomx ikunu fost l-isfidanti ewleni għall-unuri maġġuri tal-football domestiku.
Peró l-wirja fil-logħba preċedenti tawgura tajjeb li ż-żewġ timijiet se jkollhom staġun pożittiv.
Sirens v Mosta – Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li naqsu milli jirreġistraw rebħa fl-ewwel ħarġa tagħhom.
Filwaqt li Sirens sfaw megħluba minn Valletta bl-iskor ta’ 2-0, Mosta temmew fi draw ta’ mingħajr goals kontra Gudja United.
Għaldaqstant, din hija partita li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji taż-żewġ timijiet biex ma jaqgħux lura fil-klassifika minħabba li f’dan l-istaġun se jiġu relegati erba’ timijiet.
Sirens huma l-aktar li ddiżappuntaw meta huma utilizzaw xejn inqas minn tmien players akkwisti ġodda li kienu jilagħbu maċ- champions tal-Ghana, Medeama SC … u għaldaqstant wieħed kien jistenna intuwizzjoni bejniethom.
Naxxar L. v Hamrun S. – Wara li kellhom jitħabtu biex għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 1-0, Hamrun Spartans jiltaqgħu kontra Naxxar Lions li ġejjin minn telfa kbira ta’ 5-1 kontra Marsaxlokk.
Bla dubju, bil-potenzjal li jippossjiedu l-Ispartans jibdew favoriti netti li joħorġu bit-tliet punti meta se jilagħbu kontra team li fit-telfa ta’ 5-1 kontra Marsaxlokk, wera sintomi li se jsib il-ħajja diffiċli fl-ogħla diviżjoni.
Madankollu, fl-aħħar ħarġa tagħhom il-Ħamruniżi ma kienux għall-altezza tal-istaġun li għadda u dan kien kollu mertu tal-Balzanin … fejn riżultat ta’ draw kien ikun aktar ġust.
L-aħħar rebħa reġistrata tan-Naxxarin fuq l-Ispartans kienet dik ta’ nhar it-3 ta’ Mejju, 1997, bl-iskor ta’ 1-0. Minn dakinhar huma ltaqgħu fi 12-il partita fil- Premier.
Hibernians v Sta Lucia – Hibernians jibdew favoriti li jegħlbu lil Sta Lucia wara r-rebħa impressjonanti ta’ 4-0 fuq Gzira United … bi probabbiltá kbira li Jurgen Degabriele jerġa’ jkun protagonista hekk kif fl-ewwel ġurnata huwa rreġistra doppjetta u għaldaqstant jimmira għall-unur tal-Aqwa Skorer … wara li fl-istaġun li għadda huwa kien l-aqwa skorer Malti bi 13-il goal, flimkien ma’ Jake Grech li kien fl-istess team u li issa ssieħeb ma’ Balzan.
Il-Luċjani jipprovaw jieħdu xi ħaġa minn dan il-konfront għax huwa mperattiv li ma jaqgħux lura
Sta Lucia għandhom lil Steve Pisani sospiż wara li tkeċċa fit-telfa ta’ 4-0 kontra Floriana.
Balzan v Gzira U. – Din hija partita bejn żewġ timijiet li ġejjin minn telfa … iżda x’differenza!!
Filwaqt li Balzan ħarġu bl-unuri kollha kontra Hamrun Spartans (0-1), Gzira United ġew umiljati minn Hibernians (0-4).
Il-Balzanin qatt ma dehru inferjuri għall-Ħamruniżi fejn qasmu l-logħob għal ħafna ħinijiet.
Min-naħa tal-Maroons, dawn iridu jinsew l-aħħar partita u jridu jagħrfu kif jirriorganizzaw minħabba li l-moral huwa tant baxx.
Huma kienu s-sorpriża negattiva tal-ewwel ġurnata minħabba li fil-kompetizzjoni Ewropea tal-UEFA Conference League, huma kienu kompatti u organizzati.
Huma se jkollhom nieqes lis-sospiż Zachary Scerri li tkeċċa kontra Hibernians.
Gudja U. v Marsaxlokk – Gudja United jiffaċċjaw lil Marsaxlokk li jinżlu għal dan il-konfront b’moral mill-aktar għoli meta rreġistraw l-akbar rebħa fl-ewwel ġurnata hekk kif għelbu lit-team promoss ta’ Naxxar Lions bl-iskor ta’ 5-1 … fejn jidher li l-akkwisti l-ġodda, b’mod speċjali, li Yuri de Jesus Messias li skorja doppjetta, se jkunu vitali għall-kawża tagħhom.
Il-pressjoni tinsab kollha fuq il-Gudjani minħabba li ma jistgħux joħorġu b’idejhom vojta minn dan il-konfront għax jidher li se tkun taqtiegħa mill-aktar ħarxa liema erba’ timijiet se jitilfu posthom mal-kbar.