Saturday, December 21, 2024

“B’Partit Nazzjonalista fil-Gvern se tgħix b’moħħok mistrieħ”

Aqra wkoll

Bernard Grech iwiegħed li  jekk jirbaħ l-elezzjoni se jgħin lill-poplu jkollu futur aħjar f’pajjiż aħjar

F’attività politika fir-Rabat, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, saħaq li l-partit tiegħu jrid il-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi, kif ukoll tal-pajjiż fejn tidħol il-kredibilità tiegħu. Issa li waslet elezzjoni l-Kap tal-PN wiegħed li se jagħti lura l-flus li jingħad li nsterqu minn fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u li ladarba fil-gvern se jindirizza l-problema tal-għoli tal-ħajja. Il-messaġġ ewlieni li ried iwassal kien li mal-poplu l-Partit Nazzjonalista se jwettaq il-futur li l-poplu jixtieq u li jixraqlu tant li b’partit nazzjonalista fil-Gvern, kulħadd se jkun jista’ jgħix b’moħħu mistrieħ.

Filwaqt li faħħar il-proġett tas-central link, Grech semma’ każijiet li ltaqgħu magħhom ta’ familji li qegħdin ibatu minħabba li ma jistgħux ilaħqu mal-għoli tal-ħajja. “Hawn min qiegħed ibati, jgħix ħajja diffiċli u jħossu li jeżisti biss għax mhuwiex ilaħħaq mal-ħajja. Nitnikket u nirrabja meta nara din is-sitwazzjoni fejn wara disa’ snin li kellna partit li wiegħed li se jirradika l-faqar, minflok eradika t-tama tal-fqir. Din hija l-verità li qegħdin jgħixu n-nies f’darhom,” iddikjara l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Huwa qal li bħala partit, f’konferenza li organizzaw, tkellmu dwar soluzzjonijiet fosthom kif se jindirizzaw dik tal-living wage ħalli persuna jkollha biżżejjed flus biex tgħix b’mod diċenti u dinjituż. Fost attakki, Grech akkuża lill-Gvern li qiegħed jisraq lill-poplu fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, komoditajiet l fil-ħajja tal-lum huma essenzjali bażiċi. Huwa wiegħed li ladarba fit-tmun tal-pajjiż se jirrevedu l-kontijiet u “kull ewro li Gvern Laburista seraq, aħna se nirritornawhulek. Il-wegħda hija ċara – magħna serraħ rasek li se jkollok lura dak li ttieħidlek mill-but”.

Filwaqt li kkwota xjenza u studji li juru li meta jkun hemm il-faqar ikun hemm ġieli anke problemi ta’ saħħa mentali, il-Kap tal-PN qal li din il-problema f’pajjiżna hija ta’ inkwiet tant li saħaq li bħala partit fil-gvern il-poplu se jkun jista’ jgħix mill-ġdid.

Fl-intervent tiegħu huwa semma’ l-fatt li l-politiċi għandom id-dmir li jagħtu l-għajnuna lil min huwa fil-bżonn u biex jinstabu soluzzjonijiet fil-prattika għal ħajja aħjar. Għaldaqstant wiegħed ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja u li se jmexxi bil-għaqal tant li, “mhux se naħlu l-flus u se jkun qiegħed jibqagħlna aktar miljuni biex ngħinuk”.

Fuq l-istess retorika Bernard Grech tenna li se jkun qiegħed ipoġġi lill-poplu fiċ-ċentru tal-politika tiegħu u jekk jagħtih il-fiduċja fl-elezzjoni li jmiss, bħala Prim Ministru se jkun qiegħed iwettaq il-proposti tal-PN f’realtà “għax kull ġurnata mhux diċenti hija mitlufa”. 

Il-partit tal-PN qal li huwa wkoll deċiż li jnaqqaf isem pajjiżna u hawn sostna li l-abbbozz ta’ liġi tagħhom li ġie ppreżentat u m’għaddhiex fil-parlament din il-ġimgħa, m’għaddhiex mhux għax ma kienx tajjeb, iżda bħala pika.

Ekonomija

Sport