Sunday, January 11, 2026

“BQAJNA DEJJEM NINVESTU FIN-NIES”

- Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

“Tul dawn is-sitt snin bqajna dejjem ninvestu fin-nies”. Hekk stqarr il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Robert Abela meta kien qiegħed jiġi intervistat ill-ġurnalist ta’ Lovin Malta, Yannick Pace.

Waqt l-intervista Dr Abela tkellem dwar diversi temi fosthom il-kisbiet li wettaq dan il-Gvern minn kemm ilu jmexxi hu. Qal li  fost l-oħrajn mhux biss inħolqu l-impjieġi, iżda wkoll inħoloq xogħol ta’ kwalità. 

Fakkar fil-ħafna miżuri li daħħal lill-Gvern biex b’hekk in-nies jibqgħu mexjin ‘il quddiem. Qal li meta nħatar Prim Ministru mill-ewwel kien sab ma’ wiċċu sfida kbira dik tal-pandemija. Qal li dakinhar żball wieħed biss kien jitfa’ lill-pajjiż f’diżastru ekonomiku.

“Niftakar meta l-ewwel informazzjoni li kellna kienet li kellna nistennew li se jmutu madwar 20,000 persuna. Meta imbagħad daħħalna l-miżuri qalulna li dak in-numru jista’ jonqos għal 6,000 persuna mejta, iżda bl-għaqal tat-tmexxija n-numru kien ferm inqas,” tenna l-Prim Ministru Abela.

Fl-intervista fakkar kif dakinhar il-Gvern kien ta l-akbar għajnuna lill-poplu Malti u Għawdxi u dan seta’ jsir minħabba li l-ekonomija kienet waħda b’saħħitha. Kompla li minkejja kull sfida, “għax dan il-Gvern baqa’ jinvesti fin-nies l-ekonomija baqgħet tikber, fejn minkejja li ħafna pajjiżi Ewropej qegħdin idaħħalu miżuri ta’ awsterità Malta bil-kontra… aktar ma ngħinu lin-nies aktar l-ekonomija tikber.”

Tkellem ukoll dwar ir-rispett kbir li Malta tgawdi fil-fora internazzjonali. Semma fost l-oħrajn li fl-aħħar snin Malta kellha t-tmexxija ta’ tliet organizzazzjonijiet internazzjonali fosthom tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda u anke tal-Kunsill Ewropew.

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar ir-riformi li twettqu taħt it-tmexxija tiegħu. Qal li fuq quddiem nett hemm ir-riforma ta’ kif tinħatar il-ġudikatura. “Illum l-għażla tal-Maġistrati u Imħallfin m’għadhix f’idejn il-Prim Ministru kif kien isir sa ftit tas-snin ilu. Mindu daħlet din ir-riforma ħadd qatt ma kkritika xi ħatra ta’ xi ġudikant,” tenna l-Prim Ministru Abela.

Dr Abela saħaq ukoll kemm huwa importanti li pajjiżna jkollu tmexxija soda u responsabbli f’dawn iż-żminijiet diffiċli ta’ sfidi internazzjonali għad-dinja, bħalma kien ġara fl-2020 fl-eqqel tal-pandemija.  Qal li s-sitwazzjoni tal-Istati Uniti fil-konfront ta’ Greenland hija r-raba’ esperjenza tiegħu bħala Prim Ministru f’dawn is-6 snin, għax wara l-pandemija, il-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, u l-kunflitt fil-Lvant Nofsani, din il-kwistjoni tolqot l-obbligi tat-trattati Ewropej, u enfasizza fuq ir-rwol kruċjali tad-diplomazija.

Semma’ l-pożizzjoni iebsa li ħadet Malta fil-laqgħa tal-Mexxejja Ewropej f’Diċembru li għadda, biex tingħata l-għajnuna meħtieġa lill-Ukrajna, mingħajr ir-ritaljazzjoni mir-Russja.  Fisser kif Malta u 3 pajjiżi oħra irreżistew l-istrument propost tar-reparations loan, għax li kieku daħal fis-seħħ kien ikollna riperkussjonijiet ħżiena mhux fuq l-Ewropa biss, ikluż fuq Malta.  Il-Prim Ministru qal li is-sitwazzjoni internazzjonali taf tbiddel iċ-ċirkostanzi attwali u għalhekk saħaq li hu se jibqa’ jaħdem għall-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi billi jieħu deċiżjonijiet b’responsabilità fl-aħjar interess tan-nies.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport