Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futsal?
Bdejt nilgħab il-futsal lura fis-sena 2014 waqt li kont għadni student l-Universitá ta’ Malta. Kienet ħarġet sejħa għax kien se jiġi ffurmat it-tim li jirrapreżenta lill-Universitá ta’ Malta, u ddeċidejt li napplika għat-‘trials’ u kont ntgħażilt. Dak iż-żmien kont nilgħab il-futbol, u għall-ewwel tliet snin kont bqajt nilgħab kemm futbol fl-Ewwel kif ukoll fit-Tieni Diviżjoni, kif ukoll futsal. Wara sena wieqaf mill-futsal minħabba li żdiedu l-impenji tal-futbol, ħassejt li kelli naqleb l-attenzjoni tiegħi fuq il-logħba tal-futsal minħabba li għoġobni aktar l-isport u l-istil tal- logħba, u minn dakinhar qatt ma ħarist lura!
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq ir-rebħ tal-Laferla Futsal Trophy mill-Universitá ta’ Malta fil-jiem li għaddew?
Qabel beda dan l-istagun kien hemm diversi inċertezzi u saru xi tibdiliet, u ma kienx bidu faċli. Peró, bqajna magħqudin bħala grupp, u taħt il-gwida tal-kowċ, Zvezdan Vukovic, u t-tmexxija tal-kumitat, bqajna naħdmu biex intejbu l-prestazzjonijiet tagħna. Il-qofol ta’ dan kollu sintendi kienet ir-rebħa tal-finali tat-Trophy, fejn irnexxielna niksbu din it-Tazza għar-raba’ darba fl-istorja tal-klabb.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala captain ta’ UOM Futsal.
Bħala captain ta’ kwalunkwe tim, dejjem ikun hemm dik ir-responsabbiltá f’ċerti sitwazzjonijiet kemm fil-court, u anke fid-dressing room. Peró, fit-tim kulħadd huwa importanti l-istess sabiex tinżamm l-għaqda u nibqgħu mexjin ‘l quddiem, mill-kumitat, sal-kowċis u l-plejers.
Kif tqis il-livell tal-futsal f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-futsal f’pajjiżna bħalissa huwa wieħed inkoraġġanti ħafna. Għalkemm l-ammont ta’ timijiet li qed jipparteċipaw fil-kampjonat mhuwiex wieħed kbir, il-livell huwa wieħed tajjeb, b’taħlita ta’ plejers Maltin u barranin ta’ esperjenza, kif ukoll plejers oħrajn illi għadhom qed jiżviluppaw fil-logħba tal-futsal.
X’tikkummenta fuq il-court tal-iSkola Nazzjonali tal-iSport (NSS) fejn tilaghbu l loghob taghkom?
Il-court tal-NSS huwa addattat ferm kemm għall-kampjonat lokali, kif ukoll ghal meta jintlghab loghob internazzjonali. Kemm bħala daqs, kif ukoll bħala art, hu ta’ kalibru.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futsal?
Bħalma dejjem għamilt tul kemm ilni nilgħab il-futsal, nimxu sena b’sena!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futsal.
Kemm fil-futsal, u anke fi kwalunkwe sport ieħor, wieħed dejjem għandu jfittex u jimxi wara dak li għandu għal qalbu. B’dedikazzjoni lejn id-dixxiplina, umiltá li dejjem tfittex li titgħallem u tisma’ minn min qed jgħallmek, u b’determinazzjoni li tkompli titjieb, is-suċċess huwa ħafna aktar possibli!