Tuesday, August 12, 2025

“Bqajt impressjonat bil-bidla sabiħa li rajt isseħħ f’ħajtu” 

Jingħata l-aħħar tislima Christian Vella, kolonna u motivatur tal-Caritas

Aqra wkoll

Fil-Knisja Kolleġġjata ta’ Bormla, dalgħodu ingħata l-aħħar tislima Christian Vella, li kien meqjus bħala kolonna u motivatur fil-Caritas, persuna li ġabar litteralment mit-triq ammont ta’ żgħażagħ u persuni oħra u għenhom joħorġu mill-vizzju tad-droga. Chris ħalla din id-dinja nhar is-6 t’Awwissu li għadda fl-età ta’ 39 sena. 

Fl-omelija tiegħu waqt il-funeral, Mons. Charles Cordina tkellem dwar x’differenza kbira jagħmel il-bniedem meta jkun kapaċi joħroġ minnu nnifsu biex jaħseb f’ħaddieħor. Qal li kemm hi grazzja kbira li l-ħajja tagħna ngħixuha bħala rigal ta’ mħabba. 

Mons. Cordina żied jgħid li bħalissa ninsabu xxukkjati, aktar u aktar għaliex Chris kien kapaċi jagħmel passi kbar f’ħajtu. “Kien kapaċi minn bniedem li hu stess jgħid ta’ 12-il sena beda jieħu s-sustanzi jitkisser, jitfarrak, għall-mument li beda ħajja ġdida. Beda ħajja ġdida fejn xtaq proprju dik il-ħajja li jgħin lil ħaddieħor li jsib ruħu f’dik id-diffikultà.” 

Huwa sostna li ra din il-bidla sabiħa sseħħ f’ħajjet Chris u baqa’ impressjonat bid-determinazzjoni li kellu u bl-isfidi li rnexxielu jegħleb. “Kien determinat li jasal għat-tajjeb, għall-bidla f’ħajtu u wasal u għexha. F’daqqa waħda sirna nafu li miet u nħsadna,” qal Mons. Cordina. 

Kompla billi ddeskriva lil Chris bħala bniedem attiv ħafna u li kien jagħmel ħafna għall-oħrajn. Fuq kollox kien jinteressah u jferraħ ħafna lill-familja tiegħu u kien jagħmel kull sagrifiċċju biex jarahom kuntenti u li ma jonqoshom xejn. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport