Saturday, December 21, 2024

“Bqajt ngħaddi l-flus lil Mario Degiorgio sal-aħħar… ħassejtni rikattat”

Jixhed Melvin Theuma fil-każ kontra l-aħwa Degiorgio

Aqra wkoll

Melvin Theuma, deskritt bħala l-middleman fil-każ dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, xehed kif huwa ħassu mhedded meta serva ta’ intermedjarju biex jgħaddi l-flus lill-aħwa George u Alfred Degiorgio li bħalissa qegħdin il-ħabs jistennew li jgħaddu ġuri dwar l-imsemmi delitt.

Theuma kien ix-xhud ewlieni hekk kif bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Mario Degiorgio, li jiġi ħu l-aħwa Degiorgio. Mario qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ ħasil ta’ flus u rikatt.

Theuma qal fil-Qorti li hu qatt ma żvela l-irwol tiegħu ta’ middleman fil-qtil ma’ Mario Degiorgio, iżda kien jagħtih il-flus għal ħutu fil-ħabs għaliex ħassu mhedded. Huwa qal ukoll li qatt ma semma isem Yorgen Fenech.

Ix-xhud qal li wara l-qtil, qatt ma’ sema’ aktar mill-allegati qattiela sakemm ġew arrestati f’Diċembru tal-2017, xahrejn wara l-qtil. Wara l-arrest tagħhom, huwa beda jgħaddilhom flus u anke ikel.

Fil-bidu huwa għamel dan permezz ta’ terza persuna magħruf bħala l-Lolly iżda aktar tard sar jaf lil Mario Degiorgio li beda jgħaddilu messaġġi minn ħutu li kienu jinsabu fil-ħabs.

Mistoqsi jekk Mario kienx jaf li huwa l-middleman fil-qtil, Theuma wieġeb: “Qatt ma kont ammettejt li jien il-middleman”.

Theuma qal li Mario Degiorgio kien jitolbu flus biex jitħallsu spejjeż ta’ George Degiorgio fosthom dak tal-iskola tat-tfal u kien jiltaqa’ mal-akkużat f’karozza fil-Marsa jew fid-dar tiegħu li tinsab fl-istess lokalità.

Kompla jgħid li huwa ġieli kien joħroġ xi flus minn butu stess, xi €200 fil-ġimgħa (€100 kull wieħed għall-aħwa Degiorgio), u aktar minn €2,500 li jkun ġab mingħand Fenech.

Minbarra dawn, żied jgħid Theuma, kien hemm talbiet sostanzjali, fosthom €60,000 biex tkun koperta t-talba għal-libertà proviżorja u xi €70,000 għall-avukat tal-aħwa Degiorgio, Dr William Cuschieri.

Qal ukoll li George Degiorgio darba kien wassallu messaġġ permezz ta’ ħuh u qallu “ibża’ mhux min ta’ barra imma minn ta’ ġewwa.” Theuma qal: “dan għamilha saħansitra agħar għalija. Ħassejtni dahri mal-ħajt u bqajt ngħaddi dak kollu li talab Mario sal-aħħar, sa meta ġejt arrestat. Ħassejtni rikattat.”

Fis-seduta tal-bieraħ, xehdet ukoll l-Ispettur Lianne Bonello, li qed tmexxi l-Prosekuzzjoni, fejn qalet li Theuma kien stqarr magħha li kien baqa’ jgħaddi flus lil Mario Degiorgio għax beża’ li jiġi tradut.

Semmiet li Theuma kien qalilna li Mario Degiorgio kien jieħu flus għalih u bihom xtara kelb tar-razza Chow Chow miċ-Ċina għal €5,000.

Rekords oħra mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin juru li l-akkużat kien għadda madwar €25,000 lil ħutu fil-ħabs.

Il-każ ikompli. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispettur Christopher Ellul u mill-Avukati Francesco Refalo u Marthese Grech mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati William Cuschieri u Lennox Vella qed jidhru għal Mario Degiorgio.

Ekonomija

Sport