Miż-żmien tal-pandemija COVID-19 u bit-tkabbir ta’ pjattaformi bħal TikTok, l-attenzjoni, speċjalment tat-tfal naqset b’mod evidenti u rapidu. Ħafna tfal issa qed isibuha diffiċli biex jiffokaw għal perjodu twil ta’ ħin u spiss joħorġu minn vidjo wara biss ftit sekondi ta’ osservazzjoni.Terminu popolari fost iż-żgħażagħ illum huwa “brainrot.”
Dan huwa slang li jirreferi għal kontenut mgħaġġel u ta’ ftit sforz mentali, ħafna drabi jkunu bħal ċajt qasir jew ‘memes’. Dan jeħtieġ konċentrazzjoni minima. Minflok jaraw vidjows twal, programmi tat-television jew films, ħafna tfal jikkunsmaw kontenut li jdum biss ftit sekondi. Dan l-istil ta’ midja jattrata lit-tfal għaliex huwa ta’ pass magħġġel, tad-daħk u faċli biex jinftiehem mingħajr ħafna ħsieb.Il-pjattaformi tal-midja soċjali qed jinkoraġixxu kontinwament din l-imġieba.
L-algoritmi ta’ TikTok, Instagram Reels u YouTube Shorts huma diżinjati biex iżommu l-udjenza attenti billi jwasslulhom vidjows qosra bla waqfien. L-għan huwa li tinżamm l-attenzjoni għal mumenti qosra, u b’hekk tinħoloq drawwa ta’ scrolling kontinwu.
Barra mill-kontenut qasir, l-intelliġenza artifiċjali (AI) qed issir popolari ħafna fost iż-żgħażagħ u t-tfal. Ħafna studenti issa jużaw għodod tal-AI biex jeħilsu mix-xogħol tal-iskola aktar malajr, u f’xi każijiet, biex l-AI tagħmel ix-xogħol kollu għalihom. Għalkemm l-AI tista’ tkun ta’ għajnuna, dipendenza żejda fuqha tista’ tnaqqas il-ħsieb indipendenti u l-ħiliet biex wieħed isolvi l -problemi.
Bħala riżultat, ħafna tfal u adoloxxenti qed jitilfu l-abbiltà, u l-motivazzjoni li joqogħdu, jikkonċentraw u jaħdmu għal perjodi twal, bħalma jiġri waqt il-lezzjonijiet tal-iskola. Tfal u nies qed jissoċjalizzaw inqas wiċċ imb’wiċċ, isiru inqas paċenzjużi, u jsibuha diffiċli biex jaffaċċjaw il-frustrazzjonijiet varji tagħhom li jistgħu jinkludu ukoll xi xogħol komuni ta’ kuljum.
Tagħlim fit-tul, bħall-qari ta’ kotba jew jaraw vidjows edukattivi, jidher inqas stimulanti meta mqabbel mal-“dopamine hits” li jiġu minn kontenut qasir online.Dan it-tip ta’kontenut magħġġel jista’ jistimula il-moħħ. Iżda, dan jista wkoll inaqqas it-tolleranza għal attivitajiet b’mod aktar sinifikanti. Iktar ma jkunu żgħar l-individwi, iktar ikunu faċli biex jiġu influwenzati, u hawnhekk jaf ikun iktar faċli biex jonqos il-valur tal-passatempi.
Dan jaf jaffettwa wkoll l-attenzjoni tagħhom fejn maż-żmien, dan jista’ jwassal għal għejja mentali u nuqqas ta’ konċentrazzjoni.Qed ngħixu f’dinja ddiżinjata biex tikkompeti għall-attenzjoni tagħna. Minħabba f’hekk, għandna bżonn nitgħallmu kif insaħħu l-konċentrazzjoni tagħna u ta’ uliedna.
Dan jista’ jsir billi wieħed jenfasizza mat-tfal, l-importanza ta’ ħin mgħadd fuq l-iscreens. Hawnhekk naraw kemm dan il-fenomenu ta’ ‘brainrot’ jista’ jkun wieħed mill-aktar lezzjonijiet importanti għall-ġenerazzjoni li għadha tiela’.

