Il-coach ta’ Hamrun Spartans, Branko Nisevic, rebaħ l-unur tal-Coach tax-Xahar ta’ Motors Inc. għal Frar 2023.
Din hija t-tielet darba f’dan l-istaġun li l-coach Nisevic rebaħ dan il-premju, hekk kif kien ingħata wkoll il-premjijiet ta’ Ottubru u Diċembru.
Nisevic kien strumentali fil-mixja pożittiva ta’ Hamrun Spartans din is-sena. L-Ispartans, matul Frar kisbu żewġ rebħiet u draw li ppermettiethom jibqgħu fuq nett tal-klassifika b’rebħa ta’ 1-0 fuq Floriana u Valletta rispettivament u draw kontra Birkirkara (0-0).
Il-coach Nisevic kiseb il-quċċata tal-voti mill-captains tat-timijiet tal-Premier League, team managers, staff tekniku, u l-media.
Is-Senior Executive tal-Marketing ta’ Motors Inc. Mario Bellizzi, ippreżenta t-trofew tal-Coach tax-Xahar ta’ Motors Inc. għal Frar 2023 lill-coach Nisevic li għażel lil Puttinu Cares biex jibbenefika mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan il-premju.
Imwaqqfa fl-2016, Motors Inc. Limited hija d-distributur uffiċjali tal-Jeep, il-marka emblematika rikonoxxuta mad-dinja kollha. Motors Inc. Limited hija wkoll id-distributur lokali ta’ Kia, Alfa Romeo, Fiat, Iveco, Abarth, u Hyundai.