Jorge Kfouri Jr Brażiljan li kien fuq vaganza f’pajjiżna, ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien tliet snin wara li ammetta li ħebb għas-sieħba tiegħu waqt argument li kellu magħha.
Il-Brażiljan tressaq b’arrest il-Qorti ilbieraħ fejn ġie akkużat li ta daqqa lis-sieħba tiegħu meta kienu f’lukanda.
Kien impjegat tal-istess lulanda li nduna li kien għaddej argument bejn il-koppja u mill-ewwel ċempel lill-Pulizija.
Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li meta l-Pulizija marru fuq il-post tkellmu mal-mara fejn allegat li s-sieħeb tagħha kien ta’ daqqa ta’ sieq fil-kustilji. Il-mara allegat ukoll li l-akkużat kien “persuna perikoluża ħafna fil-Brażil”.
Il-vittma ttieħded l-Isptar fejn ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi ħfief, filwaqt li Kfouri Jr kien arrestat fil-lukanda stess. Huma kienu mistennija li jitilqu minn Malta għada s-Sibt.
Quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia, Kfouri ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, fosthom li kkawża biża’ ta’ vjolenza, li kkawża ġrieħi ħfief u li insulenta lill-partner tiegħu.
L-Ispettur Antonello Magri li mexxa l-Prosekuzzjoni qal li l-akkużat kien kollaborattiv mal-Pulizija u kien se jitlaq minn Malta fi żmien qasir.
Kienet il-Prosekuzzjoni stess li talbet biex jingħata sentenza ta’ libertà kundizzjonata kif ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
L-avukat Julia Micallef Stafrace mexxiet id-difiża.