Thursday, November 14, 2024

Brażiljan mixli b’importazzjoni ta’ 9kg kannabis jingħata l-ħelsien mill-arrest

Aqra wkoll

Raġel li qed ikun mixli b’assoċjazzjoni fl-importazzjoni ta’ disa’ kilogrammi kannabis permezz ta’ pakketti mibgħuta bil-posta ngħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest.

Pedro Da Costa Masi, Brażiljan ta’ 29 sena residenti l-Mellieħa, qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ pussess, importazzjoni u kultivazzjoni tal-kannabis.

Dan l-allegat każ seħħ fil-bidu tax-xahar li għadda, meta nstabu pakketti bid-droga li kienu indirizzati lil persuna f’Tal-Pietà. Minkejja li l-indirizz u l-blokk tal-appartamenti li fih kellu jintbagħat dan il-pakkett kienu tassew jeżistu, in-numru tal-appartament kien wieħed fittizju. 

Jumejn wara, raġel kien daħal fl-uffiċini ta’ Fedex biex jiġbor il-pakkett. Kien hawn fejn il-pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga arrestatu. Minn tfittxija fir-residenza tal-imputat instabu diversi kilogrammi raża tal-kannabis, sitt pjanti kannabis, MDMA u madwar €12,000 fi flus kontanti.

Meta lbieraħ kompla jinstema’ l-każ, l-avukati ta’ Masi talbu li l-klijent tagħhom jingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni ma toġġezzjonax għal dan.

Il-Maġistrat Elaine Rizzo ħadet nota ta’ dan u tatu l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €18,000 u garanzija personali ta’ €20,000. Huwa kien ordnat ukoll biex jiffirma l-Għassa ta’ Tas-Sliema kuljum u ma joħroġx mir-residenza tiegħu fil-ħin ta’ bejn l-10.00 p.m. u s-6.00 a.m.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Mark Mercieca u John Leigh Howard filwaqt li għall-imputat dehru l-Avukati Franco Debono u Marion Camileri.

Ekonomija

Sport