Ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea se jkomplu bit-taħditiet dwar Brexit wiċċ imb’wiċċ f’Londra matul tmiem din il-ġimgħa, hekk kif negozjaturi qed jagħmlu minn kollox biex jilħqu ftehim.
It-taħditiet se jitkomplew wara li l-kap negozjatur għall-Unjoni Ewropea Michael Barnier temm perjodu ta’ iżolazzjoni wara li kollega tiegħu kien irriżulta pożittiv għall-Covid-19 il-ġimgħa li għaddiet.
Qabel ma vvjaġġa lejn ir-Renju Unit, Barnier saħaq li n-negozjati bejn iż-żewġ naħar għadhom ikkaratterizzati mill-“istess diverġenzi sinjifikanti”.
Mal- wasla tiegħu huwa qal li se jkun qed jaħdem “b’paċenzja u determinazzjoni”.
Intant aktar kmieni l-Prim Ministru Brittaniku Boris Johnson insista li l-eżitu dwar il-ftehim jiddependi mill-Unjoni Ewropea.
F’kummenti li għamel ilbieraħ lill-ġurnalisti Johnson qal li “hemm ftehim x’jeħtieġ li jintlaħaq jekk iridu”.
Fl-istess waqt qal li “differenzi importanti u sostanzjali” għadhom jippersistu, hekk kif fadal ftit aktar minn xahar qabel l-iskadenza tal-aħħar ta’ Diċembru.