L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit laħqu ftehim fuq il-kummerċ għal wara li jidħol fis-seħħ Brexit, liema ftehim ġab fi tmiemu xhur sħaħ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn iż-żewġ naħat dwar drittijiet tas-sajd u regoli futuri għal negozju u kummerċ.
F’konferenza tal-aħbarijiet li żvolġiet f’Downing Street, il-Prim ministru Brittaniku Boris Johnson qal li “erġajna ħadna lura l-kontroll tal-liġijiet tagħha u d-destin tagħna.”
Il-ftehim għad irid jiġi ppubblikat, madankollu l-Prim ministru Brittaniku qal li dan il-se jkun ta’ ġid għall-Ewropea kollha.
Ir-Renju Unit se tkun qed toħroġ mir-regoli ta’ kummerċ tal-Unjoni Ewropea nhar il-Ħamis li ġej, sena wara li uffiċjalment ħarġet mill-blokk ta’ 27 stat membru Ewropew.
Dan se jkun qed ifisser tibdil kbir għan-negozju, bir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea jifformaw żewġ swieq separati u bi Brexit iġib fi tmiemu l-moviment ħieles bejn iż-żewġ naħat.
Madankollu l-ftehim tal-lum se jkun qed joffri solljiev għan-negożji Brittaniċi, li diġà qed iħossu l-impatt tal-pandemija tal-coronavirus.
Hekk kif ħabbar il-ftehim, Johnson ippubblika tweet b’ritratt tiegħu jagħmel sinjali ta’ ftehim tajjeb.
Intant f’konferenza tal-aħbarijiet fi Brussellm il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li “kienet triq twila iżda għandna ftehim tajjeb x’nistgħu nuru”.
Hija qalet li l-ftehim huwa wieħed ġust u bilanċjat u issa wasal iż-żmien li wieħed idawwar il-paġna u jħares lejn il-futur.
Johnson qal li l-ftehim se jkun qed jipproteġi impjiegi madwar il-pajjiż kollu u se jkun qed jippermetti lil prodotti tar-Renju Unit li jinbiegħu mingħajr tariffi u kwota fis-suq tal-UE.
Huwa ammetta li kellu jagħmel konċessjonijiet fir-rigward tad-drittijiet tas-sajd.