Wednesday, December 25, 2024

BREXIT: Dazju fuq l-importazzjoni jekk l-oġġett ikun daħal fir-Renju Unit minn pajjiż ieħor barra l-UE

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jekk int wieħed jew waħda minn dawk li jimpurtaw oġġetti mir-Renju Unit bħal ħwejjeġ u kotba m’għandekx tinkwieta li se jkollok toqgħod tiddikjara dak li ġġib.

Hekk kif fl-1 ta’ Jannar daħal fis-seħħ Brexit bosta staqsew x’se jinbidel issa fir-rigward ta’ importazzjoni ta’ prodotti li ġejjin mir-Renju Unit.

Dan il-ġurnal ikkuntattja lid-Direttur tad-Dwana Joseph Chetcuti biex jara jekk hemmx xi obbligi fuq il-persuna li timporta xi ħaġa għall-użu personali.

Chetcuti spjegalna kif bil-ftehim bejn ir-Renju Unit u l-UE persuna li timporta oġġett minnu mhux se tkun obbligata tinforma lid-Dwana għax dan se jkun f’idejn il-kumpanija li ġġibilha l-prodott.

Waqt li l-persuna trid tħallas 18% VAT, id-dazju fuq l-importazzjoni jitħallas biss jekk l-oġġett ikun daħal fir-Renju Unit minn pajjiż ieħor barra l-UE.

Chetcuti ġabilna eżempju b’karozza li tkun inġiebet ir-Renju Unit minn pajjiż ieħor, bħall-Ġappun jew l-Istati Uniti, imbagħad tinbiegħ lejn Malta u sostna li jkun hawn li jitħallas id-dazju.

Fil-każ tal-kumpaniji li jimpurtaw mir-Renju Unit biex imbagħad ibiegħu l-prodotti f’Malta huwa spjegalna li dawn għandhom aċċess għas-sistema tad-Dwana u jridu jiddikjaraw dak li jġibu fiha.

Anke f’dan il-każ, eskluż il-VAT, id-dazju tal-importazzjoni jitħallas jekk il-prodott ikun daħal fir-Renju Unit minn pajjiż ieħor terz jew inħadem hemm.

Ekonomija

Sport