Negozjati kruċjali biex jinstab ftehim dwar il-kummerċ bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea wara li jidħol fis-seħħ Brexit, se jkunu qed jitkomplew illum.
Il-kap negozjatur għall-Unjoni Ewropea Michel Barnier se jkun qed jiltaqa’ mal-kontroparti għar-Renju Unit, Lord Frost, fi Brussell bil-għan li jkomplu jitnaqqsu d-differenzi sinjifikanti li hemm bejn iż-żewġ partijiet.
L-aġenzija tal-aħbarijiet BBC ikkwotat sors mill-kamp tar-Renju Unit jgħid li l-laqgħa tal-lum taf tkun l-aħħar ċans qabel l-aħħar tas-sena, u għaldaqstant qabel Brexit jidħol fis-seħħ.
Chris Mason, korrispondent politiku għall-BBC, qal li l-atmosfera li qed tiċċirkonda din il-laqgħa mhijiex mill-aktar ottimisti, madankollu insista li ż-żewġ naħat iridu li jinstab ftehim.
Il-laqgħa tal-lum se tiżvolġi wara li taħditiet bejn il-Prim Ministru Brittaniku Boris Johnson u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen ma ħallewx frott.
It-tnejn li huma kellhom taħditiet ilbieraħ madankollu naqsu milli jiżblokkaw is-sitwazzjoni dwar “kwistjonijiet kritiċi”.
Fi stqarrija konġunta li kienet ippubblikata, iż-żewġ naħar qalu li d-drittijiet fuq is-sajd, u r-regoli tal-kompetizzjoni u dwar kif kwalunkwe ftehim se jkun qed jiġi infurzat għadhom lok ta’ problemi.
Fl-istess waqt kemm Johnson u kif ukoll von der Leyen esprimew is-sodisfazzjon tagħhom li kien hemm progress f’diversi oqsma.
It-tnejn se jkunu qed ikomplu bit-taħditiet għada filgħaxija.