Friday, November 7, 2025

Brian Chetcuti … il-karriera tiegħu hi xhieda ta’ determinazzjoni, imħabba lejn il-futbol, u dedikazzjoni lejn l-iżvilupp tiegħu bħala kowċ

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-karriera ta’ Brian Chetcuti hi xhieda ta’ determinazzjoni, imħabba lejn il-futbol, u dedikazzjoni lejn l-iżvilupp tiegħu bħala kowċ. Illum, Chetcuti qed jibda esperjenza ġdida bħala Assistant Coach ta’ Gżira United FC, fejn se jkun qed jaħdem spalla ma’ spalla mal-kowċ magħruf Darren Abdilla.

“Kien pass naturali għalija,” jgħid Chetcuti b’ċerta sodisfazzjon f’intervista li ħadnilu ftit tal-jiem ilu. “Meta ċempluli minn Gżira, ma kinitx deċiżjoni diffiċli. Naf li taħdem ma’

Darren Abdilla tfisser li se titgħallem ħafna. Hu kowċ b’esperjenza, li jaf jara d-dettalji u jkabbar tim b’viżjoni. Għalija din hija opportunità kbira li nkompli nikber professjonalment.”

L-esperjenza ta’ Brian Chetcuti fil-futbol Malti hija varja u sinifikanti. Hu kien assistant coach ta’ Santa Lucia FC għal tliet staġuni sħaħ fil-Premier League, fejn għen fit-tħejjija tat-tim u fit-tkabbir ta’ plejers żgħażagħ. Wara, fl-istaġun 2023/2024, ngħaqad ma’ Birkirkara FC, wieħed mill-aktar klabbs storiċi fil-futbol Malti.

“Meta tkun parti minn klabb bħal Birkirkara, l-aspettattivi jkunu għoljin ħafna,” jispjega Chetcuti. “Hemm pressjoni kbira mill-partitarji, mill-istaff, u minn kull min hu involut.

Imma hija pressjoni li tgħallmek ħafna. Xi żmien kont ukoll caretaker coach, u dik kienet esperjenza li għenitni nifhem aktar il-ħtieġa ta’ bilanċ bejn il-kalma u d-deċiżjoni mgħaġġla.”

Matul l-istaġun li għadda, Brian ħa t-tmexxija ta’ Nadur Youngsters FC, wieħed mill-aktar timijiet prestiġjużi fil-futbol Għawdxi. Taħt it-tmexxija tiegħu, in-Nadurin temmu fit-tieni post tal-kampjonat Għawdxi u wrew livell konsistenti.

“F’Għawdex tħoss sens ta’ komunità qawwi ħafna,” jgħid b’tbissima. “Meta tkun kowċ ta’ Nadur, tkun taf li qed tmexxi klabb b’passjoni kbira u tradizzjoni sportiva. Il-pressjoni hemm ukoll, imma differenti għax in-nies jgħixu kull logħba. Għall-kowċ, dik hija tagħlima waħidha, speċjalment meta tkun qed tmexxi inti l-ewwel tim b’materjal ta’ kwalità.”

Fuq il-kapitlu l-ġdid tiegħu ma’ Gżira United, Chetcuti juri ċarezza u jinsab iffukat flimkien mat-tmexxija tal-Maroons u mal-kowċ Darren Abdilla. “L-għan tagħna hu li insalvaw l-istaġun,” jgħid b’ton realistiku. “S’issa mhux kollox mar kif xtaqna, imma sa Diċembru se nkomplu naħdmu fuq il-bażi li għandna. F’Jannar se nagħmlu xi irtokki għat-tieni round biex inkunu nistgħu nitilgħu ‘l fuq fil-klassifika. Il-potenzjal hemm, irridu biss inqajmu l-ispirtu u l-fiduċja tat-tim.”

Meta nsemmu l-passi tiegħu fil-karriera, minn Santa Lucia għal St Andrews, minn Birkirkara għal Nadur, Brian jiddeskrivi kull esperjenza bħala kapitlu li kabbru kemm bħala kowċ kif ukoll bħala persuna.

“Kull tim għandu r-realtà tiegħu,” jgħid. “Meta taħdem f’tim tal-Premier League bħalma kienu Santa Lucia jew Birkirkara, ikun qed ikollok x’taqsam ma’ plejers professjonali u livell għoli ta’ kompetizzjoni. Imma meta tmur Għawdex, trid tkun versatili , tagħraf li mhux dejjem għandek l-istess riżorsi jew strutturi. U hemmhekk titgħallem li l-passjoni tista’ tgħeleb id-differenza fir-riżorsi.”

Fuq il-livell attwali tal-futbol Malti, Chetcuti jżomm opinjoni bilanċjata: “Il-livell tal-Premier League żdied ħafna, speċjalment bil-preżenza ta’ plejers barranin ta’ kwalità.

Imma fl-istess ħin, qed naraw inqas żgħażagħ Maltin li qed jippruvaw jidħlu fil-livell tal-Premier. Ħafna jsibu ‘ħajt’ quddiemhom u jispiċċaw jilagħbu fil-Challenge League jew fl-Amateur League. Għandna bżonn naħsbu kif nagħtu aktar spazju lil dawn il-plejers lokali biex jikbru.”

Brian jiddiskuti wkoll il-kwistjoni tal-faċilitajiet sportivi: “Hemm differenza kbira bejn il-grawnds fejn jintlagħbu l-ogħla livelli tal-futbol Malti u dawk ta’ klabbs iżgħar. Il-riżorsi tal-klabbs huma totalment differenti. Plejers barranin jiġu minn sistemi fejn kollox huwa ppjanat, u hawn mhux dejjem għandek l-istess għajnuniet. Għadna ftit lura bħala pajjiż, imma nemmen li bil-ħidma konġunta tal-MFA u l-klabbs, nistgħu naraw titjib sostanzjali.”

Għal Chetcuti, il-futbol jibqa’ ħafna aktar minn logħba: “Huwa mod ta’ ħajja. Kull sessjoni ta’ taħriġ hija opportunità biex titgħallem xi ħaġa ġdida kemm bħala kowċ kif ukoll bħala plejer. Jiena nemmen li l-aktar importanti hi l-ħidma f’tim, id-dixxiplina u l-motivazzjoni personali. Ma tistax timxi ‘l quddiem jekk m’għandekx dawn il-valuri.”

Bħalissa għandu 41 sena, u wara aktar minn 350 logħba fil-Premier bħala assistant coach u caretaker coach, Chetcuti qed iħares ‘il quddiem b’ambizzjoni ċara. “Il-pjan tiegħi hu li s-sena d-dieħla nikkowċja tim tal-Premier bħala kowċ prinċipali,” jgħid b’ċertezza. “Qed naħdem biex nikseb il-UEFA Pro Licence, pass importanti ħafna biex inkun nista’ naħdem fuq livell għoli. Għandi esperjenza estensiva, imma l-aktar ħaġa li tgħodd hi li tibqa’ titgħallem u ma taqtax qalbek.”

Fil-konklużjoni tal-intervista, Brian Chetcuti jħalli messaġġ ċar lil min jixtieq jagħmel suċċess fil-futbol: “Irid ikollok paċenzja, rieda u determinazzjoni, speċjalment jekk int Malti. Illum hemm ħafna plejers barranin fil-kampjonat, xi drabi anke 11 f’tim wieħed, u għalhekk il-Malti jridu jaqdfu iżjed biex jidhru. Min għandu passjoni għall-kowċing inħeġġu biex jagħmel il-liċenzja ta’ kowċ. Hemm min għandu talent naturali u m-għandux ċertifikat, u hemm min għandu ċertifikat imma għad għandu x’jitgħallem. L-importanti hi li tibqa’ tħobb dak li tagħmel u ma tieqafx titjieb.”

Illum, Brian Chetcuti jibqa’ eżempju ta’ tmexxija moderna u rispettata fil-futbol Malti, kowċ li jħaddan ix-xogħol, il-lealtà u l-passjoni bħala l-ingredjenti ewlenin ta’ kull rebħa. U filwaqt li l-vjaġġ tiegħu jkompli ma’ Gżira United, m’hemmx dubju li dan il-pass se jkun kapitlu ieħor ta’ tkabbir u suċċess fil-karriera tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport