L-avventura ta’ Brian Cini waqt il-Kampjonat tad-Dinja tas-Snooker tal-Amateurs tkompli meta reġa wettaq iż-żewġ rebħiet eċċellenti ta’ 4-0 kemm waqt il-kwarti finali u kif ukoll aktar tard is-semi finali. Issa s-Sibt jikkontesta il-finali kontra r-rebbieħ tat-tieni semi finali bejn iċ-Ċiniż, Yang Gao u Fergal Quinn tal-Irlanda ta’ Fuq. (li tinlagħab fit-8 p.m.)
Filgħodu, fil-kwarti finali Brian Cini wettaq rebħa stupenda kontra il-Ġermaniż, Umit Dikme li ftit ingħata ċans li joffri xi forma ta’ resistenza tant li l-Malti rebaħ b’riżultat ta’ 4-0. Pero’ kien kollu mertu għal Cini li wettaq ukoll tliet breaks tajbin ta’ 72 punt, 84 punt u 74 punt, bl-iskors tal-frames ikunu; 76-7, 84-7, 85-49 u 96-42.
Wara nofs in-nhar, waqt is-semi finali, Brian Cini żamm l-istess ritmu din id-darba kontra l-Pollakk, Mateusz Baranowski fejn rebaħ bl-istess skor ta’ filgħodu bil-frames kollha favurhu jintemmu; 61-32, 66-1, 66-56 u 59-24. Fit-tielet frame Baranowski fetaħ vantaġġ ta’ 56 punt iżda Cini fil-pront irrisponda bi break ta’ 66 punt u rebaħ il-frame.
Il-finali ta’ għada tkun fuq l-aħjar minn disa’ frames u tibda fis-2 p.m.