Thursday, November 20, 2025

Brian Cini fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UK Championship

Aqra wkoll

Brian Cini, ċ-champion renjanti tas-snooker lokali, kiseb id-dritt li jkun wieħed mis-sittax-il plejer amateur li ser jieħdu sehem fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UK Championship wara li fi Frar li għadda kien spiċċa bħala finalist waqt il-Kampjonat tad-Dinja tas-Snooker tal-Amateurs li saru f’Saida l-Marokk. 

Il-UK Championship huwa kkunsidrat bħala t-tieni l-akbar turnament tas-snooker fid-dinja għall-plejers professjonali wara l-Kampjonat tad-Dinja. Il-fażi ta’ kwalifikazzjoni li ser jieħu sehem fiha Cini ser issir f’Robin Park Leisure Centre f’Wigan u tibda s-Sibt 22 ta’ Novembru u tintemm il-Ħamis 27 ta’ Novembru. Minn 128 plejer li ser jieħdu sehem f’din il-fażi l-aħħar sittax jikkwalifikaw għall-istadju ewlieni tal-UK Championship biex jingħaqdu mal-lista tal-aqwa 16-il plejer professjonali tas-snooker fil-mument li huma magħżula biex ikunu l-finalisti ta’ din l-edizzjoni.

Cini, fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni ser jilagħab kontra l-plejer ta’ 24 sena minn Wales, Dylan Emery li beda l-karriera professjonali tiegħu fil-World Snooker Tour tal-istagun 2002/23 u bħalissa jinsab fil-91 post fir-rankings tad-dinja tal-plejers professjonali. Din il-logħba tintlagħab is-Sibt fl-10.30am (ħin lokali) u r-rebbieħ jiltaqa’ fit-tieni rawnd mac-Ċiniż, Chang Bingyu. Il-logħob kollhu tal-UK Championship, ħlief għal finali ewlenija, jsir fuq l-aħjar minn 11-il frame.

Jumejn wara l-fażi ta’ kwalifikazzjoni tibda l-fażi finali tal-UK Championship li ser tintlagħab bejn is-Sibt 29 ta’ Novembru u l-Ħadd 7 ta’ Diċembru u bħall-aħħar snin issir f’Barbican Centre f’York.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport