Brian Cini rebaħ it-tieni ranking tournament tal-istaġun wara li għeleb lil Chris Peplow 5-1, finali li kważi kienet ripetizzjoni ta’ sena ilu f’dan l-istess ranking fl-istaġun preċedenti bejn l-istess żewġ finalisti.
Din is-sena, reġa’ kien Chris Peplow li ħa vantaġġ inizjali fejn wettaq anke’ l-aħjar break tal-logħba, dak ta’ 82 punt.
Brian Cini mhux talli rnexxielu rkupra u ġab mill-ewwel il-konfront f’parita’, talli rebaħ rebaħ ħames frames konsekuttivi. Fit-tielet u raba’ frames Cini ppojta breaks ta’ 76 punt u 65 punt rispettivatment.
L-uniku darba li Peplow kellu ċans li jnaqqas l-iżvantaġġ kien fil-ħames frame meta rnexxielu jagħmel l-aħħar żewġ boċċi, r-roża u s-sewda, u b’punteġġ ugwali ta’ 58 bi 58 sforza shoot-out fuq is-sewda, iżda reġa’ kien Cini li rebaħ dan id-dwell.
Il-punteġġi tas-sitt frames li ntlagħbu spiċċaw hekk; 15-106, 56-17, 76-13, 67-14, 65-58 u 66-17.
Fis-semi-finali li saru aktar kmieni matul il-ġimgħa, kemm Cini kif ukoll Peplow kellhom jitħabtu biex isibu post b’din il-finali. It-tnejn rebħu bil-frame deċiżiv biż-żewġ semi finali jintemmu punteġġi finali ta’ 4 bi 3. Cini għeleb lil Isaac Borg filwaqt li Peplow rebaħ lil John Farrugia.
Intant, finali oħra li saret din il-ġimgħa kienet dik tat-tieni ranking Masters tournament tal-istaġun. F’din il-finali, Alex Borg għeleb lil Ivan Attard bil-punteġġi ta’ 5 bi 3.

