Wednesday, December 25, 2024

Briju Karnivalesk jirrifletti normalità fil-qrib

Aqra wkoll

Jason Busuttil ilu nvolut fil-karnival ta’ Malta għal diversi snin. Kollox beda meta kellu biss seba’ snin u ħdejn id-dar ta’ nannuh, il-mibki iżda qatt minsi Joseph Zerafa li kien iffissat fuq din il-festa, kien jibni diversi karrijiet sabiex eventwalment jiġu eżebiti fil-Belt Valletta. Kien hawn meta Busuttil ta’ tifel żgħir kien imur jagħtih daqqa t’id u minn hemm bdiet in-namra għal din il-festa li tiġi qabel ir-Randan.

Sena wara sena, din in-namra kompliet tikber tant meta tfarfar u sar żagħżugħ ħadem kemm felaħ sabiex ikollu l-kumpanija tal-karnival tiegħu. Din il-ħolma saret realta’ meta għalaq 20 sena. Minn hemm Busuttil qatt ma ħares lura u apparti li beda jipparteċipa f’diversi attivitajiet karnivaleski, kien jagħmel diversi kollaborazzjonijiet ferm importanti sabiex dak li jorganizza dejjem ikun aktar u aħjar.

Hu kien involut f’diversi avvenimenti fosthom produzzjonijiet televiżivi, kunċerti live u teatru. Ħafna jgħidu li m’hemmx attivita’ li Jason Busuttil ma kienx involut fiha! Hu jgħid li l-pubbliku preżenti u l-ispettaturi jagħmlu l-produzzjonijiet aktar ħajjin. 

Illum il-ġurnata hu għandu l-kariga ta’ direttur artistiku tal-Karnival ta’ Malta, rwol li hu ferm għal qalbu u li bih qed jipprova jżid il-popolarita’ ta’ din iċ-ċelebrazzjoni magħrufa bħala r-renju tal-bluha.

Talk.mt iltaqgħet ma’ Busuttil fejn tana aktar dettalji dwar il-karnival li din is-sena se jkun maqsum f’żewġ fażijiet prinċipali, b’dak tradizzjonali li se jseħħ fl-aħħar ġimgħa ta’ Frar u ieħor ikbar f’Mejju.

Hu beda biex qal li din is-sena il-programm tal-karnival ser jinkludi diversi stallazzjonijiet fit-toroq tal-Belt bejn il-25 u l-1 ta’ Marzu, esebizzjoni ta’ ritratti karnivaleski mill-fotografu Ġermaniż Frank Kirchner, ikkurata minn Antoine Farrugia. Dan il-fotografu ilu jiġi Malta għal dawn l-aħħar snin u ħaseb sabiex jieħu ritratti minn wara l-kwinti ta’ diversi dilettanti tal-karnival li kienu qed jibnu l-karru tagħhom.

Se jkun hemm ukoll esebizzjoni mhux kompetittiva ta’ kostumi passati u produzzjoni teatrali live tal-Qarċilla kollha b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv. Ser issir ukoll produzzjoni teatrali ta’ żfin, projezzjonijiet u attivitaijiet oħra għat-tfal organizzata mit-Teatru Manoel b’kollaborazzjoni mat-TOI TOI Collective u bis-sapport ta’ Festivals Malta.

Għaldaqstant Festivals Malta ħaseb biex xorta waħda jsiru attivitajiet marbuta mal-Karnival fil-jiem ta’ Frar, b’programm li jiċċelebra l-kreattivita` marbuta ma’ dan iż-żmien tant maħbub mill-komunità Maltija.

Hu sejjaħ dan iż-żmien bħala wieħed mill-pilastri ewlenin fil-kalendarju kulturali Malti. “Wieħed ma setax ma jħossx in-nuqqas tal-Karnival u t-talent ta’ dawk id-dilettanti illi jagħtu il-maġġoranza tal-ħin tagħhom fil-preparazzjoni għal dan l-avveniment, li fih jiġbor numru ta’ talenti u ħiliet differenti.”

“Bla dubju il-pandemija ħarbtet mhux ftit il-programmi ta’ dawn l-aħħar sena u nofs u għalhekk ħafna mix-xogħol li sar minn dawn id-dilettanti kellu jibqa’ fuq l-ixkaffa.”

Ċertament li l-karnival tradizzjonali Malti jikkonkorru għalih eluf ta’ Maltin u Għawdxin u kif ukoll barranin li jżuru lill-pajjiżna apposta għal dan l-avveniment. Kollox jidher li ser ikun hemm reviżjoni fil-miżuri, hekk kif tħabbar ftit tal-jiem ilu, flimkien ma’ Festivals Malta ser jiġi mħejji programm kulturali karnivalesk, li għal din is-sena biss ser jittella’ fl-20, 21, 22 ta’ Mejju 2022, biex b’hekk il-poplu Malti u Għawdxi jkun jista jgawdi dan l-avveniment li hu tant għal qalb il-kbar u ż-żgħar b’kawtela iżda b’mod responsabbli mal-miżuri relevanti f’dawk iż-żminijiet.”

Busuttil qal li ġaladarba aktar restrizzjonijiet jiġu rilaxxati, fit-tielet ġimgħa ta’ Mejju l-idea hi li jiġi ċċelebrat il-karnival kif nafuh qabel ma feġġet il-pandemija tal-Covid-19. Bla dubju li wieħed mill-attrazzjonijiet ewlenin hu proprju l-ispettaklu fil-pjazza li għalih jattendu ħafna nies. Hu tenna li wara diversi preparamenti li saru fix-xhur li għaddew minn diversi organizzaturi, dilettanti tal-karrijiet, ħajjata tal-kostumi u nies oħra involuti ma kinitx tkun xi ħaġa sabiħa li anke għal din is-sena ma jsir xejn. 

Spjega wkoll diversi diffikultajiet li ltaqgħu magħhom fosthom numru ta’ kwaratini li kellhom jagħmlu dawn id-dilettanti, xi wħud minnhom li kienu pożittivi għall-Coronvirus filwaqt li żeffiena oħrajn ma setgħux jiltaqgħu minħabba numru ristrett ta’ nies li setgħu jkunu f’daqqa. 

Busuttil faħħar l-impenn tal-gvern li jirrikonoxxi s-sagrifiċċju li jagħmlu diversi nies sabiex tittella’ din l-attivita’ li tkun maqsuma f’ħamest ijiem. “Żgur li l-kuluri, l-allegrija, il-karrijiet, iż-żfin u ħafna attivitajiet oħra kienu neqsin f’dawn l-aħħar xhur. Il-fatt li se naslu biex inressqu l-attivitajiet ewlenin għal Mejju hu diġa’ pass kbir lejn in-normalità.”

Busuttil spjega li bħala kumitat huma ħadmu qatigħ sabiex dan kollu jkun jista’ jseħħ u kellu diskussjonijiet mal-gvern b’mod partikolari mal-Ministru Josè Herrera u mas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Prof. Charmaine Gauci sabiex dawn l-attivitajiet xorta waħda jsiru għalkemm skont il-protokolli maħruġa minn dawn tal-aħħar.

Jason Busuttil ħeġġeġ lill-ġenituri sabiex ilibbsu lt-tfal tagħhom bil-kostumi tal-karnival minħabba li tradizzjonalment din hi festa mhux biss għall-kbar iżda wkoll għat-tfal ċkejknin tagħna.

Finalment Jason Busuttil fakkar li min jixtieq jixtri l-biljetti għall-attivitajiet li ġejjin, jista’ jagħmel dan fuq is-sit elettroniku www.kultura.mt.

Ekonomija

Sport