Fl-aħħar sigħat il-kantanta Britney Spears ħabbret li qiegħda tistenna tarbija, dan xhur wara li għaddiet minn burraxka legali ma’ missierha li kien qiegħed jikkontrolla numru ta’ aspetti ta’ ħajjitha.
Il-kantanta qasmet l-aħbar mal-40 miljun segwaċi tagħha fuq Instagram fejn hija qalet li se jkollha tarbija mas-sieħeb tagħha Sam Asghari. Spears, li llum għandha 40 sena u hija omm ta’ żewġt itfal oħra li llum huma żgħażagħ, qalet ukoll li fl-aħħar tqala li kellha hija kienet sofriet minn dipressjoni.
F’Ġunju tas-sena li għaddiet Spears kienet dehret quddiem il-qorti minħabba s-sikkatura stretta li missierha kien qiegħed jimponi fuqha tant li dan il-conservatorship kien qiegħed jippreveniha milli tiżżewweġ jew ikollha tfal.
Il-conservatorship kien iddaħħal fis-seħħ minn missierha fl-2008 wara li Spears kienet tinsab għaddejja minn kriżi mentali, u dan kien ifisser li hija ma kinitx f’qagħda tajba li tieħdu deċiżjonijiet dwar il-futur tagħha.