L-attakkant ta’ Manchester United, Bruno Fernandes, qed jagħlaq ftehim ġdid ta’ ħames snin f’Old Trafford, li mistenni jiswa fir-reġjun ta’ £250,000 fil-ġimgħa.
Il-player ta’ 27 sena spikka bħala player tar-Red Devils minn meta ngħaqad mingħand Sporting Lisbon f’Jannar 2020, u skorja 44 goal u pprovda 26 assists f’85 dehra.
Fernandes beda wkoll l-istaġun il-ġdida f’forma eċċellenti, fejn skorja erba’ goals u pprovda assist f’ħames dehriet fil-kompetizzjonijiet kollha.
L-internazzjonali Portugiż għad fadallu erba’ snin fil-kuntratt tiegħu f’Old Trafford, iżda l-club ilu għal xi żmien jitkellem mal-attakkant dwar ftehim ġdid.
L-attakkant issa jinsab viċin li jiffirma kuntratt ġdid li jiswa fir-reġjun ta’ £250,000 fil-ġimgħa, li x’aktarx jibqa’ għaddej sa Ġunju 2026.
L-attività tas-sajf ta’ Man United ikkonvinċiet lill-Portugiż biex jimpenja l-futur tiegħu mal-club, bil-ħabib intimu Cristiano Ronaldo fost l-akkwisti l-ġodda.
Il-ftehim il-ġdid ta’ Fernandes mar-Red Devils, li jkunu fl-azzjoni fil-Premier League barra minn darhom kontra West Ham United nhar il-Ħadd, jista’ jitħabbar ‘fil-ġimgħat li ġejjin’.