Saturday, December 21, 2024

Brussell tiżvela pjan biex tinqasam ir-responsabbiltà dwar l-immigranti

Aqra wkoll

Dawk l-immigranti li aktarx ma jkunux se japplikaw biex jingħataw permess ta’ ażil għandu jkollhom l-applikazzjoni tagħhom proċessata fi żmien 12-il ġimgħa. Dan joħroġ minn dokument ġdid li Brussell fassal dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni u l-ażil.

Id-dokument, li ġie mniedi llum, se jkun qed iwassal biex dawk l-istati membri li ma jkunux iridu jilqgħu immigranti għandhom jgħinu lil stati oħrajn Ewropej biex l-immigranti jitwasslu lura f’art twelidhom.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni Ylva Johansson qalet li dan se jkun qed jgħin speċjalment lil pajjiżi żgħar bħal Ċipru u Malta li qed jilqgħu diversi immigranti li ma japplikawx għall-ażil.

Johansson żiedet tgħid li żewġ terzi ta’ immigranti li jfittxu l-ażil fl-Unjoni Ewropea jkollhom l-applikazzjoni tagħhom rifjutata, madankollu jibqgħu jinżammu fil-pajjiż għal snin. Għaldaqstant taħt dan il-ftehim dawk l-immigranti li jkollhom rata inqas minn 20% li jkollhom l-applikazzjoni aċċettata jkollhom l-applikazzjoni tagħhom ipproċessata fi żmien 12-il ġimgħa.

Id-dokument jgħid ukoll li jekk pajjiż ikun suġġett għal pressjoni kaġun tal-immigrazzjoni u jisħaq li ma jkunx jista’ jkompli jilqa’ aktar immigranti, allura jista’ jitlob biex jiskatta mekkaniżmu ta’ solidarjetà obbligatorja mill-Kummissjoni.

Stati mbagħad jintalbu jikkontribwixxu skont fatturi ekonomiċi u ta’ popolazzjoni, madankollu jkollhom l-għażla li jew jirċievu persuni li jfittxu ażil, iħallsu biex immigranti li ma jkollhomx id-dritt jibqgħu fi stat membru jitwassal lura pajjiżu, jew jgħinu biex jinbnew ċentri li jilqgħu l-immigranti.

Intant il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ dan il-ftehim u ddeskrivih bħala “bażi tajba biex terġa’ tinbeda mill-ġdid id-diskussjoni”. Huwa qal li huwa kruċjali li dawk l-immigranti li ma jkollhomx dritt għall-ażil jittieħdu lura pajjiżhom. Huwa temm jgħid li s-solidarjetà m’għandhiex tkun għażla.

Ekonomija

Sport