Monday, December 23, 2024

Budget 2021 li jpoġġi l-ambjent, l-ekonomija, u l-qasam soċjali fuq l-istess livell

Aqra wkoll

Il-miżuri ambjentali mħabbra fil-budget huma bbażati fuq il-viżjoni tal-Gvern għas-snin li ġejjin, il-Malta ta’ għada. Huma miżuri li jwittu t-triq għal ekonomija ħadra u reżiljenti, l-ekonomija li pajjiżna se jkollu wara l-imnixija taħt il-kunċett ta ‘building back better’.

Hekk qal il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt konferenza stampa dwar il-Budget 2021, li huwa l-ikbar budget li qatt kellu pajjiżna b’numru ta’ miżuri ambjentali li se jkomplu jsaħħu u jtejbu l-istat tal-ambjent f’pajjiżna, l-livell ta’ għajxien tal-poplu Malti kif ukoll l-ekonomija ta’ pajjiżna.

“Il-ħsieb wara l-miżuri mħabbra u li mistennija jħallu effett fiż-żmien li ġej kienu l-għodda biex tiġi implimentata l-viżjoni li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela ftit tal-ġimgħat ilu, viżjoni li tpoġġi l-ambjent, l-ekonomija u l-qasam soċjali fuq l-istess livell. Dawn kienu l-fatturi għall-appoġġ li kien hemm għal dan il-budget: il-familji, l-industrija, il-maġġoranza tal-imsieħba soċjali għarfu l-għaqal, il-galbu, il-ħsieb imsejjes wara kull miżura. Wara kollox ma kienx hemm sorpriżi għax kulħadd jaf fejn qiegħed ma’ dan il-Gvern, hemm serħan il-moħħ kif ukoll tama u kuraġġ,” qal il-Ministru Farrugia.

Wara li din is-sena tħabbar l-ikbar investiment għall-immaniġġjar tal-iskart fil-kumpless ECOHIVE, pajjiżna se jkollu ukoll pjan ġdid għall-immaniġġjar tal-iskart sal-aħħar ta’ din is-sena, u għall-ewwel darba se nkunu qed nindirizzaw is-separazzjoni tal-iskart mis-settur kummerċjali. 

Il-Ministru Farrugia spjega li tħabbar investiment ta’ €220 miljun mill-Fond għar-Reżiljenza u Rkupru li ammont sostanzjali minnhom se jkun iddedikat għat-tranzizzjoni ekoloġika ta’ pajjiżna.

Il-Ministru kompla jispjega li matul is-sena d-dieħla se titpoġġa f’postha l-infrastruttura neċessarja għall-iskema ta’ rifużjoni għal kontenituri vojta tax-xorb. Filwaqt li din l-iskema se tkun ta’ benefiċċju għall-ambjent tagħna, tagħti prova oħra ċara tal-opportunitajiet li toffri l-ekonomija ċirkulari billi jiġu riċiklati riżorsi u b’hekk nibdlu l-kultura fejn inħarsu lejn dawn ir-riżorsi għall-valur ekonomiku li effettivament joffru meta jiġu riċiklati.

Fost il-miżuri ewlenin tal-budget hemm it-twaqqif tal-importazzjoni ta’ prodotti magħmulin minn single-use plastics mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena d-dieħla. Is-sena ta’ wara, fl-2022, se jkun qiegħed jieqaf il-bejgħ ta’ dawn l-istess prodotti.

Il-Gvern qiegħed iniedi numru ta’ inizjattivi infrastrutturali ġodda permezz ta’ proġetti ħodor fiż-żoni urbani, fosthom l-ewwel erbgħa vertical green walls b’investiment ta’ €1 miljun, skema ġdida li se tara investiment ta’ €2 miljun li se twassal għal iktar tħaddir tal-faċċati tad-djar u l-ħwienet tagħna. Proġetti bħal dawn se jkunu qed iwasslu għal ambjent aktar san fiz-zoni fejn il-poplu jgħix u jaħdem.

Hekk kif il-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima baqgħet fuq nett tal-prijoritajiet tal-Gvernijiet differenti madwar id-dinja, pajjiżna fassal pjan biex sal-2050 nilħqu il mira aħħarija ta’ zero karbonju u għaldaqstant il-bżonn li nnaqqsu l-emmissjonijiet u ngawdu kwalita ta’ arja aħjar minn dik li għandna llum. 

“Il-finanzjament ta’ dawn l-inizjattivi jassigura li pajjiżna jkun fost l-aqwa fit-tranżizzjoni ekoloġika li jeħtieġ nagħmlu. U għalhekk, li apparti l-investiment tal-Gvern u tal-privat, kif ukoll fondi Ewropej, il-Gvern ser ikun qiegħed jintroduċi green bonds biex niffinanzjaw proġetti relatati mal-ekonomija l-ħadra u li jieħdu lil pajjiżna fost il-pajjiżi l-iktar ambizzjużi b’għażliet ċari u b’ħidma ma taqta’ xejn,” temm jgħid il-Ministru.

Ekonomija

Sport