Żidiet fil-pensjonijiet
Il-Ministru Clyde Caruana qal li “ser inżidu lill-pensjonanti kollha tas-sigurtà soċjali b’€24 miljun. 95,000 pensjonant tal-irtirar, tar-romol, tal-invalidità u dawk li jirċievu l-pensjoni mhux kontributorja tal-età ser jibbenefikaw minn żieda ta’ €260 fis-sena jew €5 fil-ġimgħa li minnhom €1.75 huma ż-żieda għall-għoli tal-ħajja u €3.25 hija ż-żieda addizzjonali.”
Żieda fl-Għajnuna tas-Supplimentari
Tenna li “ser inżidu l-għajnuna supplimentari għal dawk kollha li jirċievu dan il-benefiċċju jiġifieri pensjonanti, anzjani u anke persuni li jistgħu jkunu f’impjieg jekk ma jkollhomx tfal taħt is-16-il sena. Persuni miżżewġa jew koppji li d-dħul tagħhom fl-2022 ma jaqbiżx l-€14,318 ser ikunu qed jirċievu żieda fil-benefiċċju li tvarja bejn €3.47 u €6.50 fil-ġimgħa skont id-dħul tagħhom. Persuni waħidhom, inkluż romol, li d-dħul tagħhom fl-2022 ma jaqbiżx l-€10,221 ser jieħdu żieda ta’ bejn €4.10 u €5.00 filġimgħa. B’kollox ser jibbenefikaw kważi 29,000 persuna bi spiża ta’ €5.6 miljuni fis-sena. Dan ifisser li biż-żieda fil-pensjoni u ż-żieda fis-supplimentari, ħafna pensjonanti ser jaraw żieda ta’ ’l fuq minn €500 fis-sena. Żieda ekwivalenti ta’ ċekk ieħor tal-pensjoni matul is-sena.”
Aġġustament għat-tneħħija mit-taxxa fuq il-pensjonijiet
Kompla jgħid li ‘se ngħollu l-massimu ta’ dħul minn pensjonijiet għal €14,318 biex mill-ġdid iż-żidiet li qed nagħtu fil-pensjonijiet ma jkunux intaxxati. Lil dawk il-koppji b’pensjoni u għandhom komputazzjoni ta’ miżżewġin ser ikomplu jgawdu minn €3,600, dħul ieħor li jkun eżentat minn ħlas ta’ taxxa.”
Aġġustament fil-pensjoni tar-romol
“Ser naġġustaw b’mod gradwali r-rata tal-pensjoni tar-romol biex tkun l-istess bħal tal-konjuġi tagħhom meta jiġu nieqsa u sussegwentement jibqgħu jieħdu ż-żidiet kollha mogħtija mill-Gvern. B’hekk fl-2022, 12,000 pensjonant ser igawdi minn żieda massima ta’ €5 fil-ġimgħa b’nefqa totali ta’ €3.3 miljuni. Dan ifisser li l-pensjonanti li jirċievu l-pensjoni tar-romol u lid-dħul tagħhom ma jaqbiżx l-€10,221 ser jirċievu bejn €10 u €15 f’żidiet fil-ġimgħa jew bejn €520 u €780 fis-sena fid-dħul tagħhom” qal il-Ministru tal-Finanzi.
Titjib għall-pensjonanti tas-servizz
Tenna li “se inżidu għal darb’oħra b’€200 l-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li jiġi injorat fl-assessjar tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali biex b’hekk is-somma eżentata s-sena d-dieħla ser titla’ għal €3,066. Dawk il-pensjonanti tas-servizz li għandhom aktar minn 72 sena jew li matul is-sena jagħlqu 72 sena ser igawdu minn aktar titjib fil-pensjoni tas-sigurtà soċjali tagħhom billi l-parti li jkunu kkommutaw biex jieħdu s-somma tkun injorata kollha. B’hekk ser inkunu wettaqna kompletament il-wegħda li ntejbu l-pensjonijiet tas-servizz. Ser igawdu madwar 3,250 pensjonant tas-servizz, b’nefqa totali ta’ €2.7 miljun.”
Bonus għall-għoli tal-ħajja jitħallas sħiħ lill-pensjonanti
B’mod gradwali, il-bonus għall-għoli tal-ħajja ser jibda jitħallas sħiħ lill-pensjonanti kollha li rtiraw wara l-2008. B’hekk fl-2022, 43,000 pensjonant ser igawdu minn żieda massima ta’ €2.50 fil-ġimgħa jew €130 f’sena, b’nefqa ta’ €2.5 miljuni.
Żieda oħra għall-anzjani li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni kontributorja
Se tingħata żieda ta’ €150 fil-bonus annwali għal persuni li laħqu l-età tal-irtirar iżda ma jikkwalifikawx għall-pensjoni għax ma kellhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet. B’hekk il-bonus għal dawk li ħallsu anqas minn 5 snin bolol ser jitla’ għal €400 fis-sena, u għall-persuni li ħallsu aktar minn 5 snin bolol il-bonus ser jiżdied għal €500 fis-sena. Madwar 12,500 persuna, l-aktar nisa, ser igawdu minn din iż-żieda b’nefqa totali ta’ kważi €2 miljuni. Din ser tkun ir-raba’ u l-akbar żieda f’dan il-bonus minn meta bdejna nagħtuh fl-2015.
Żieda fil-mediċini u trattamenti b’xejn
Il-Gvern ser ikompli jestendi l-formularju billi jinkludi: Mediċini tal-onkoloġija li jittrattaw diversi tipi ta’ kanċer. Trattament tal-osteoporożi li minnu jibbenefikaw madwar 20,000 pazjent. Mediċini ġodda għat-trattament ta’ mard taċ-ċirkulazzjoni li minnu jibbenefikaw madwar 7,000 pazjent. Mediċini psikjatriċi li ser jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ madwar 5,000 pazjent u jnaqqsu t-tul ta’ żmien li persuna jkollha tqatta’ l-isptar fuq kura psikjatrika. Mediċini ġodda għat-trattament tal-Fibromajalġja li minnhom
jibbenefikaw madwar 2,600 benefiċjarji. It-trattament tal-anafilassi li hija reazzjoni allerġika severa tant li potenzjalment tista’ tkun ta’ periklu għall-ħajja, li minnu ser jibbenefikaw madwar 1,400 pazjent. Dan it-trattament ser ikun ipprovdut fi 325 skola biex jiġi amministrat lill-istudenti
f’każi t’emerġenza. Trattamenti għall-pazjenti li jbatu minn mard infjammatorju. Mediċini ġodda għat-trattament tal-mard rari. Mediċini b’xejn għall-pazjenti tal-IVF. Mediċini b’xejn għall-anzjani ta’ 80 sena jew aktar li jirċievu l-Għajnuna Supplimentari. Mis-sena d-dieħla, ser jibdew ikunu eliġibbli awtomatikament għall-għajnuna medika bla ħlas, jew il-Karta r-Roża kif inhi aktar magħrufa, dawk l-anzjani kollha fl-età ta’ 80 sena jew aktar u li jirċievu l-Għajnuna Supplimentari għax id-dħul tagħhom ikun taħt ċertu ammont. Dan ser jibda jsir mingħajr il-ħtieġa li dawn l-anzjani joqogħdu għat-test tal-mezzi. B’hekk madwar 4,500 anzjan jew anzjana ser jibdew jibbenefikaw minn mediċini b’xejn għall-ewwel darba.
Titjib fl-Għotja għal Ċittadini Anzjani
Se tiżdied b’€50 l-Għotja għall-Anzjani li għadhom jgħixu filkomunità jew f’dar tal-anzjani privata għal dawk l-anzjani fl-età ta’ 80 sena jew aktar, biex din tiżdied għal €400 fis-sena. Madwar 21,000 anzjan ser jibbenefikaw minn din iż-żieda bi spiża ta’ €1 miljun. Ta’ min ifakkar li din l-għotja tibda titħallas bi €300 fis-sena meta l-anzjan jew anzjana jagħlqu l-75 sena. Min ikun qed jirċievi l-għotja li nagħtu lil min ma jikkwalifikax għal pensjoni kontributorja iżda jkun ħallas xi kontribuzzjonijiet, jirċievi ż-żewġ għotjiet flimkien.
Żieda fil-Bonus għal twelid ta’ tarbija jew adozzjoni
Se jiżdied l-bonus li jingħata mat-twelid ta’ tarbija jew adozzjoni li ġie introdott s-sena l-oħra. Dan ser jiżdied b’€100, biex b’hekk minn €300 ser jitla’ għal €400. Madwar 4,000 ġenitur mistennija jibbenefikaw minn dan il-bonus.
Żieda fl-Allowance għal Tfal b’Diżabilità
Se jkun hemm żieda l-Allowance għal Tfal b’Diżabilità b’€5 li minnha jibbenefikaw madwar 1,700 familja. Nefqa totali ta’ €0.5 miljun. B’hekk l-allowance ser togħla għal €1,560 fis-sena. Ir-rata l-ġdida ser tkun kważi d-doppju ta’ dik li kienet titħallas fl-2013. Fil-fatt fl-aħħar 8 snin u biż-żieda tas-sena d-dieħla ser inkunu żidna din l-allowance b’aktar minn €13 fil-ġimgħa jew €676 f’sena.
Żieda fl-Għotja għal Carer ta’ persuna b’diżabilità severa
Se tiżdied l-Għotja għal Carer ta’ persuna b’diżabilità severa, li kienet introdotta għall-ewwel darba fil-Baġit li għadda, bi €300 minn €200 għal €500. S’issa madwar 450 ġenitur ibbenefikaw minn din l-għotja.
Għajnuna akbar għal persuni fuq l-Assistenzi Soċjali
Se jingħata kumpens sħiħ għall-għoli tal-ħajja għal persuni fuq l-Assistenzi Soċjali. Dan ifisser li madwar 7,000 benefiċjarju li jirċievu l-Assistenzi Soċjali ser jibdew jieħdu ż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja u mhux b’żewġ terzi tal-kumpens għall-għoli tal-ħajja kif kienu qed jieħdu bħalissa.
Ser nintroduċu wkoll proċedura ġdida sabiex persuni li ma jkollhomx indirizz fiss u li jkunu qed jingħataw servizz professjonali mill-FSWS, jibdew jingħataw taħt skrutinju kontinwu l-Għajnuna Soċjali sabiex jiġu megħjuna aħjar fil-ħtiġijiet tagħhom sakemm jidħlu fid-dinja tax-xogħol u sabiex eventwalment ikollhom fejn jgħixu.
Żieda fil-benefiċċju tal-Carer at Home
Se jiżdied il-benefiċċju tal-Carer at Home minn €6,000 għal €7,000 fis-sena. Din il-miżura ser tkompli tiffaċilita iktar anzjani sabiex jibqgħu fil-komunità filwaqt li tagħti s-sostenn lil carers informali sabiex jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol. 750 persuna jibbenefikaw minn din l-iskema b’nefqa addizzjonali li tqarreb il-€1 miljun.
Żieda fir-rata ta’ sussidju tal-iskema Home Helper of Your Choice
Ser tiżdied wkoll ir-rata ta’ sussidju tal-iskema Home Helper of Your Choice biex minn sussidju ta’ €5.50 fis-siegħa titla’ għal €7 fis-siegħa u għalhekk jiġu inċentivati biex iktar anzjani jagħżlu l-helper tagħhom.
Jiġu indirizzati l-inġustizzji tal-imgħoddi
Se jkunu allokati ukoll madwar €11-il miljun għas-sena d-dieħla biex inkomplu nżommu kelmtna ma’ dawk li sofrew inġustizzji flimgħoddi. Dawn il-fondi ser jiffinanzjaw għotjiet li qed jingħataw taħt tliet skemi differenti. Dawn ser ikunu għall-eks ħaddiema tax-xatt, tal-korpi, studenti ħaddiema u apprentisti li wara l-1979 daħlu mal-Gvern, għall-eks ħaddiema tal-Gas Board u għall-apprentisti tal-Malta Electricity Board li kienu ngħaqdu mal-Korporazzjoni Enemalta meta twaqqfet fl-1977. Il-werrieta ta’ persuni eliġibbli taħt it-tliet skemi jibbenefikaw ukoll mill-għotjiet.
Pensjonijiet mhux kontributorji
Kull sena, skont il-liġi jitwaqqaf il-pagament ta’ każijiet ta’ pensjonijiet mhux kontributorji minħabba tqassim ta’ wirt, speċjalment fejn ikun jittratta donazzjonijiet lill-ulied. Ser inressqu emendi fil-liġi biex għal dawk li jkunu wirtu wara li bdew jirċievu l-pensjoni mhux kontributorja u jkunu ilhom jirċevuha għal mill-anqas ħames snin, il-limitu tal-kapital ser jitla’ minn €23,300 għal €50,000 għall-miżżewġin u minn €14,000 għal €30,000 għall-persuni waħidhom. Barra minn hekk, donazzjonijiet sa total massimu ta’ €20,000 li jsiru lill-ulied b’mod formali u legali u anke donazzjoni tal-arja tal-propjetà tal-pensjonant, ser jibdew jiġu esklużi mill-kalkolu tal-kapital tal-pensjonant.
1200 pensjonant li ħallsu anqas minn 10 snin bolol se jieħdu pensjoni
Il-Ministru tal-Finanzi qal li hemm madwar 1,200 persuna li ħallsu mill-anqas 10 snin bolol imma għadhom mhux intitolati għall-pensjoni għax ma ħallsux bolol minn Jannar 1979 ’il quddiem. Dawn ukoll ser jibdew jikkwalifikaw għall-ekwivalenti tal-anqas rata tal-pensjoni taż-żewġ terzi li hi ta’ madwar €50 fil-ġimgħa b’nefqa totali ta’ €3.2 miljun. Se nagħtu wkoll l-opportunità lill-persuni li skont rekords uffiċjali kienu f’impjieg qabel it-twaqqif tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ fl-1990 iżda ma nstabx ħjiel li tħallsu bolol sakemm damu jaħdmu, biex ikunu jistgħu jħallsu sa mhux aktar minn ħames snin bolol nieqsa għal perjodi li skont ir-rekords uffiċjali juru li kienu jaħdmu.
Barra minn hekk, persuni li jkunu laħqu l-età ta’ 59 sena, li jkollhom xi kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali neqsin u li jkunu qed jirċievu l-Pensjoni tal-Invalidità, ser ikunu jistgħu jħallsu sa 5 snin ta’ kontribuzzjonijiet b’lura wkoll.
Miżura favur ħaddiema part-time b’aktar minn impjieg wieħed
Il-Ministru tal-Finanzi qal li biex il-ħaddiema t’issa meta jaslu biex jirtiraw ngħinuhom ikollhom pensjoni aħjar, ser nagħtuhom l-opportunità li jibdew iħallsu l-bolla tas-sigurtà soċjali fuq aktar minn xogħol part tajm wieħed sa massimu ta’ 40 siegħa xogħol fil-ġimgħa. Potenzjalment madwar 10,000 ħaddiem ser igawdu minn din il-miżura.
Ħlas ta’ għajnuna medika lil persuni invalidi li jgħixu mal-ġenituri
Persuni taħt il-61 sena li jgħixu mal-ġenituri tagħhom u jirċievu l-Pensjoni għall-Invalidità jistgħu jibbenefikaw mill-Għajnuna Medika jekk jissodisfaw għadd ta’ kundizzjonijiet li huma l-aktar relatati mad-dħul kapitali tagħhom u tal-ġenituri. Jekk persuna tikkwalifika, il-benefiċċju jitħallas lill-ġenituri u mhux lilu jew lilha. Din l-anomalija ser titneħħa sabiex f’każi bħal dawn applikant jitqies separatament, jittieħed biss inkonsiderazzjoni d-dħul u l-kapital tiegħu jew tagħha biss, u li l-ħlas tal-benefiċċju jsir direttament lill-applikant.
Tneħħija tat-test tal-mezzi tad-dħul fl-assistenza għal diżabilità severa
Bis-saħħa ta’ riformi f’dawn l-aħħar snin fil-qasam tad-diżabilità, il-Gvern introduċa benefiċċji ġodda u saħħaħhom b’titjib fil-kundizzjonijiet tagħhom biex ikunu ta’ aktar wens għal persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. Dan billi fost l-oħrajn daħħal tliet livelli differenti ta’ benefiċċji bl-ogħla livell mhux marbut ma’ test tal-mezzi. Minkejja dan, biex wieħed jikkwalifika għaż-żewġ livelli l-oħra ta’ benefiċċji għad xorta hemm rabta ma’ test tal-mezzi tad-dħul li ma jkunx ġej minn impjieg. Bi pjaċir inħabbar li dan it-test tal-mezzi fuq id-dħul ser jitneħħa wkoll minn Jannar li ġej biex issa kull assistenza għal diżabilità issa mhux ser tkun marbuta mat-test tal-mezzi.
Għajnuna lit-tfal vulnerabbli għax il-faqar għadu jeżisti
Il-Ministru qal li “konxji li ħafna realtajiet soċjali jsibu ftit soljev fl-iskejjel tagħna. Il-faqar għadu jeżisti minkejja li naqas mhux bi ftit. Dmir dan il-Gvern jibqa’ l-mobilità soċjali għal kulħadd iżda sakemm dak jintlaħaq ma nistgħu qatt ninjoraw lit-tfal f’dawn it-tip ta’ ċirkostanzi. Għalhekk ser inkunu qed nagħtu għotja b’medja ta’ €10,000 fis-sena lil kull kap ta’ skola tal-istat minn Kinder sa Sekondarja b’nefqa ta’ €1 miljun, u jekk hemm bżonn din tiżdied, biex jaraw li t-tfal taħt is-superviżjoni tagħhom ma jkunux neqsin minn affarijiet bħall-ikel jew riżorsi bażiċi. Ser naraw li dawn il-flus ikunu disponibbli. Nafdaw lill-kapijiet tal-iskejjel tagħna fil-ġudizzju tagħhom”, qal il-Ministru Caruana.
“Dan ser inkunu qed nagħmluh għax nemmnu li jekk ikun hemm imqar tifel wieħed jew tifla waħda li jbatu l-ġuħ f’soċjetà relattivament affluwenti bħalma hija tagħna, inkunu fallejna fl-obbligi morali tagħna bħala bnedmin. Nemmnu fil-prinċipju li nagħtu l-qasba flok il-ħuta, iżda nemmnu wkoll li dawk vulnerabbli fostna li għandhom bżonn l-għajnuna issa, għandhom jingħataw l-għajnuna issa.
Tnaqqis fit-taxxa fuq il-bejgħ u x-xiri tal-propjetà li tkun ġiet mikrija b’rati affordabbli
Il-Gvern ser inaqqas ir-rata ta’ taxxa bin-nofs fuq il-bejgħ jew ix-xiri tal-propjetà sal-ewwel €200,000 li tkun ġiet mikrija għal mhux inqas minn għaxar snin lill-inkwilini li jkunu eliġibbli għall-Benefiċċju tal-Kera, b’rati affordabbli maħruġa mill-Awtorità tad-Djar. Jekk din tinbiegħ lill-inkwilin stess, ma titħallasx taxxa fuq il-bejgħ u x-xiri.
Għal dawk il-propjetajiet li ilhom mikrija anqas minn għaxar snin iżda iktar minn tliet snin, b’rati affordabbli għall-użu ta’ residenza primarja lill-inkwilini, it-taxxa fuq il-bejgħ u x-xiri ser titnaqqas bin-nofs.